Lokali Qorti

Miċħuda talba ta’ Yorgen Fenech biex jittieħdu passi kontra l-media u Jason Azzopardi

Il-Qorti tal-Maġistrati ċaħdet talba ta’ Yorgen Fenech, mixli li kien kompliċi wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia biex jittieħdu passi kontra midja li ppubblikat chats mill-mobajl tiegħu u kontra l-avukat Jason Azzopardi fejn kienu allegaw li kien irrefera għal dawn il-konverżazzjonijiet bil-privileġġ Parlamentari tiegħu sabiex jattakka lill-opponenti tiegħu.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello qalet f’deċiżjoni li hija tagħat li billi ma jirrizultax mill-atti li effettivament seħħ dak li ġie allegat fir-rikors, u fi kwalsiasi każ, diġa’ pprovdiet dwar allegat ksur tal-ordnijiet tagħha kontra t-trasmissjoni tal-kontenut, fid-digriet tagħha tas-26 ta’ Marzu 2021, ticħad it-talba biex jigi ordnat li jittiehdu proċedimenti għal disprezz u tastjeni mit-talba li jingħataw rimedji ulterjuri.

L-avukati ta’ Yorgen Fenech kienu qed jitolbu lill-Qorti biex issib lill-midja li ppubblikat chats mill-mowbajl tal-klijent tagħhom ħatja ta’ disprezz. Yorgen Fenech, eks Direttur tat-Tumas Group u sid il-kumpanija 17 Black, huwa akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Xi ġurnali, fosthom it-Times of Malta, ippubblikaw biċċiet minn konverżazzjonijiet ta’ WhatsApp li kienu fuq il-mowbajl ta’ Fenech, fosthom ma’ politiċi bħad-Deputat Laburista Rosianne Cutajar.

L-Avukati Gianluca Caruana Curran, Charles Mercieca u Marion Camilleri, li qed jirrappreżentaw lill-akkużat, ressqu rikors fejn kienu nkludew ukoll pen drive b’kopji tal-konverżazzjonijiet ta’ Fenech ma’ Keith Schembri, Rosianne Cutajar, Johann Buttigieg u Heathcliff Farrugia biex juru li l-informazzjoni ttieħdet minn hemm.

Huma rreferew għal storja oħra tal-gazzetta Illum u għall-istejjer maħruġin mit-Times, li jinkludu minn waħda dwar korrispondenza bejn Fenech u Cutajar għal waħda li ħarġet il-Ħadd, 21 ta’ Marzu dwar kuntatt bejn l-eks Kap Eżekuttiv tal-MFSA Joseph Cuschieri u Fenech.

Din l-istorja kienet inkludiet ritratt ta’ Fenech u Cuschieri jgħajbu lill-kamera, u dan ir-ritratt seta’ jittieħed biss mill-mowbajl ta’ Fenech, qalu l-avukati. Huma qalu li din l-aħħar storja kienet invażata bi kwotazzjonijiet u referenzi meħudin minn konverżazzjonijiet bejn iż-żewġ irġiel.

L-avukati qalu li huwa preokkupanti li informazzjoni bħal din qed tgħaddi għand il-midja, speċjalment meta l-Qorti ġieli wissiet fuq dawn il-kwistjonijiet.

Huma allegaw li dan qed isir biex joskura l-karattru tal-akkużat u biex dan jitqiegħed f’lenti ħażina fil-midja, ma’ dawk li ‘l quddiem għad ikunu jridu jiddeċiedu l-futur tiegħu jekk ikunu parti mill-ġuri.

Tennew ukoll li l-istejjer ippubblikati kull ġimgħa jidher li għandhom l-intenzjoni li joħolqu għagħa politiku, u hu ċar li ġejjin mingħand xi ħadd li hu involut fil-proċeduri.

L-avukati kkummentaw ukoll dwar kif l-Avukat Jason Azzopardi, parte civile għall-familja Daphne Caruana Galizia, u Membru Parlamentari, kien irrefera għal dawn il-konverżazzjonijiet bil-privileġġ parlamentari tiegħu.

L-avukati kienu appellaw lill-Maġistrat Montebello li qed tisma’ l-kumpilazzjoni kontra Fenech biex tipprovdi rimedju urġenti sabiex twaqqaf lill-midja milli tiżvela informazzjoni bħal din, liema talba kienet miċħuda.