Lokali

Repubblika titlob revoka tar-regolamenti ġodda dwar NGOs

F’reazzjoni għal regolamenti ġodda marbuta ma’ NGOs, l-organizzazzjoni Repubblika qalet tapprezza l-ħtieġa li jkun żgurat li l-kriminali finanzjarji ma jitħallewx jirkbu fuq l-organizzazzjonijiet volontarji biex jaġixxu bħala fronti li jgħattu r-reati kriminali tagħhom.

Ir-regolamenti li daħlu fis-seħħ permezz tal-Att dwar l-Organizzazzjonijiet Volontarji f’Settembru 2020 jonqsu milli jintroduċu miżuri li jistgħu jikkontribwixxu b’mod realistiku biex jitrażżnu l-ħasil tal-flus u l-kriminalità finanzjarja.

Repubblika qalet li r-regolamenti jfallu fejn tidħol dik li tidher il-ġustifikazzjoni ewlenija tagħhom, joħonqu il-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini li josservaw il-liġi u jwaqqfuhom milli jassoċjaw rwieħhom jew milli jesprimu l-fehmiet tagħhom liberament.

Memorandum ta’ Repubblika jtenni l-kunsiderazzjonijiet tal-libertajiet mhux negozjabbli għall-organizzazzjonijiet volontarji u għall-persuni li jagħżlu liberament li jsostnuhom finanzjarjament, biex jiċċara l-linji l-ħomor li l-Istat m’għandux jaqbeż f’demokrazija.

Il-memorandum janalizza r-regolamenti li daħlu fis-seħħ f’Settembru 2020 u jipprovdi analiżi kritika tal-prattiċità raġonevoli tagħhom, u dawk li fil-fehma tagħna huma theddidiet għal-libertajiet mhux negozjabbli; jirrakkomanda triq ’il quddiem.

Ir-regolamenti ppubblikati f’Settembru 2020 huma peżanti u intrużivi. Jinjoraw il-fatt li l-NGOs iskritti mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji diġà jagħtu informazzjoni dwar l-attivitajiet finanzjarji tagħhom, qalet Repubblika.

L-organizzazzjoni kompliet tgħid li ċerti miżuri ġodda fosthom
il-permessi għall-ġbir tal-fondi jew għall-involviment tal-voluntiera mhumiex meħtieġa u ma jikkontribwixxu bl-ebda mod kontra l-ħasil tal-flus.

Bl-istess mod, ir-regoli dwar il-ġbir bl-użu ta’ kontenituri ssiġġillati u enveloppi mibgħuta fid-djar, lotteriji u ġbir waqt avvenimenti tal-massa jagħmlu l-proċessi mhux prattiċi. Ir-regoli l-ġodda jżidu l-ħin u l-ispejjeż bi proċeduri burokratiċi u jnaqqsu l-aċċess lill-organizzazzjonijiet volontarji li josservaw il-liġi għal donazzjonijiet konformi għalkollox mal-liġi.

Dawn il-miżuri, kompliet tgħid Repubblika, se jtaqqlu lill-NGOs ġenwini bħall-organizzazzjonijiet kulturali, sportivi u karitattivi iżda fl-istess waqt, ma jagħmlu xejn biex jiġġieldu l-kriminalità finanzjarja.

Barra minn hekk, ir-regolamenti jagħtu s-setgħa lill-gvern biex jissanzjona, jiċċensura u fil-fatt jipprojbixxi lill-NGOs milli jesprimu ċerti fehmiet jew milli jwettqu kampanji favur politiki li l-gvern ma jaqbilx magħhom jew ma japprovahomx.

Għalhekk l-organizzazzjoni qed tirrakkomanda li dawn ir-regolamenti – imdaħħla fis-seħħ mingħajr konsultazzjoni mas-settur volontarju – jiġu revokati u jinbdew konsultazzjonijiet effettivi biex jiddaħħlu regoli li jissodisfaw l-objettiv iddikjarat tal-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja mingħajr ma joħonqu l-libertà fundamentali tal-persuni li jassoċjaw ruħhom f’NGO u l-libertà tal-persuni li jagħtu donazzjoni għall-kawżi li
jappoġġaw.