Lokali

Robert Abela jaħrab meta mistoqsi dwar Keith Schembri

"Jien mhux il-Partit Laburista"

Minkejja li l-persuna fi tmun tal-pajjiż inbidlet, ir-retorika tal-Prim Ministru Robert Abela hija kontinwità tal-predeċessur tiegħu, Joseph Muscat.

Dan hekk kif waqt li kien qed jiġi intervistat fuq ix-Xandir tal-Istat, Robert Abela baqa’ ma qalx ghal min kienet infethet verament il-kumpanija sigrieta E-Grant. Bil-Prim Ministru idawwar il-kliem.

Il-verita’ hi, li Brian Tonna nnifsu dejjem insista li l-Ultimate Beneficiary Owner ta’ share waħda biss mill-kumpanija kienet tiegħu bħala Nexia BT – madanakollu f’email mibgħuta mill-partner tiegħu Karl Cini lil Mossack Fonseca…dan indika b’mod ċar li filwaqt li dwar Tillgate u Hearnville ta l-informazzjoni ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi rispettivament….rigward E-Grant, l-informazzjoni kellha tingħata permezz ta’ Skype. U allura, qatt ma sirna nafu min tassew kellu jgawdi minn din il-kumpanija li fetah Brian Tonna. B’Abela jibqa’ jahrab id-domanda.

Tul din l-intervista, Robert Abela kien mistoqsi jekk hux lest jilqa’ l-appelli biex jagħmel apoloġija mal-Laburisti u mal-bqija tal-poplu Malti u Għawdxi kollu dwar l-episodji żvelati fl-aħħar ġimgħat, inkluz dwar Macbridge. Anke hawn, hu farfar totalment ir-responsabbiltà.

Robert Abela, b’mod mill-aktar skomdu, insista li huwa qatt ma ddefenda lill-eks Chief of Staff f’Kastillja Keith Schembri, bil-prezentatur ifakkru li hu dejjem baqa’ fommu sieket.

Mistoqsi jekk lill-aħwa Degiorgio u lil Vince Muscat, il-Kabinett hux ser jagħtihom il-proklama – Abela ma eskludiex.

Dan filwaqt li ma ħassx li kellu jelabora dwar il-fatt li kapaċi jkun hemm kunflitt ta’ interess fid-deċiżjoni li se tittieħed mill-kabinett dwar is-suġġett, minħabba l-fatt li dawn il-persuni qed jallegaw li hemm Ministru preżenti li kellu sehem f’attentat ta’ serqa aggravata.

Intant,  mistoqsi dwar l-inwkiet kbir li qed iħabbtu wiċċhom miegħu s-sidien tan-negozji minhabba l-pandemija, Robert Abela dawwar il-kanuni fuq il-Partit Nazzjonalista…b’tgħawwiġ tal-fatti…sintomatiku meta jispiċċa dahru mal-ħajt. Diskors li apparti li huwa falz, juri li ċertament il-Prim Ministru qed jinjora r-realtajiet tal-poplu.

Fl-istess programm…. għat-tieni darba f’temp ta’ nofs ta nhar…. Robert Abela injora għal kollox lill-professjonisti fil-qasam tal-ispettaklu fosthom atturi, kantanti, żeffiena u artisti professjonisti – qasam minsi għal kollox mill-Gvern ta’ Robert Abela, daqslikieku dawn il-ħaddiema ma jeżistux fi żmien meta qatt daqs illum ħobżhom spiċċa mhedded daqshekk.