Il-Gozo Business Chamber permezz ta’ stqarrija wriet l-appoġġ tagħha għall-pożizzjoni tal-Caritas Malta, il-Fondazzjoni OASI, u l-Assoċjazzjoni tal-Psikjatri Maltin, dwar il-White Paper maħruġa mill-Gvern dwar l-użu tal-Kannabis.
Il-Gozo Business Chamber tinnota u taqsam it-tħassib enfasizzat minn dawn it-tliet entitajiet. Huma qalu li “is-soċjetà u l-ekonomija huma marbutin ma’ xulxin, u dak li jiġri f’wieħed iħalli impatt fuq l-ieħor b’diversi modi.”
Il-Kamra temmen li bosta mill-proposti fil-White Paper bl-ebda mod ma jindirizzaw il-problema u se jkomplu jaggravaw ċerti kwistjonijiet li ġew enfasizzati bl-iktar mod xieraq minn dawn l-entitajiet li jaħdmu b’mod dirett fuq dan is-suġġett, u li għalhekk għandhom kuntatt dirett mal- problemi u kwistjonijiet ikkawżati mill-abbuż ta ’sustanzi.
Minbarra l-kwistjonijiet ta’ infurzar tar-regolamenti kif proposti fil-White Paper, u l-allinjament ta’ dawn mal-Konvenzjonijiet li ġew ratifikati minn Malta, dawn it-tliet entitajiet enfasizzaw kwistjonijiet relatati mas-Saħħa u s-Sikurezza fuq ix-Xogħol, li bl-ebda mod ma huma ttrattati fil-White Paper.
Għal dan il-għan il-Kamra qed tappella għal riflessjoni serja li hija bbażata fuq studji preċiżi u valutazzjonijiet tal-impatt, u evalwazzjoni ġenerali tal-effetti li tali mossa jkollha fuq l-oqsma kollha. “Huwa kruċjali li nagħtu kas il-parir ta’ entitajiet li għandhom esperjenza diretta tal-implikazzjonijiet li tali bidla fil-politika jkollha.”
Il-Gozo Business Chamber mhix kontra l-persuni li jużaw xi tip ta’ droga, iżda hija kontra l-użu ta’ drogi, peress li dawn jaffettwaw lill-individwu, il-persuni ta’ madwaru u setturi oħra fis-soċjetà li magħhom jinteraġixxi l-persuna.
//= $special ?>