Internazzjonali

Covid-19: Għadu kmieni biex wieħed jgħid biċ-ċert jekk is-safar mill-Ingilterra jibdiex mis-17 ta’ Mejju

Is-Segretarju tat-Trasport Britanniku, Grant Shapps, qal li minkejja l-progress enormi fil-programmi tal-vaċċin fir-Renju Unit għadu kmieni wisq biex wieħed jgħid biċ-ċert jekk il-Britanniċi jistgħux jerġgħu jibdew igawdu l-btajjel barra pajjiżhom mis-17 ta’ Mejju.

Grant Shapps, iżda, qal li mhux jagħti l-pariri biex l-Ingliżi ma jibbukkjawx is-safar barra pajjiżhom – bil-Gvern Britanniku, fl-aħħar sigħat, jiddettalja s-sistema magħrufa bħala ‘traffic light’ għall-bidu ġdid tal-ivvjaġġar ‘il hinn mir-Renju Unit.

Kulmin jivvjaġġa ikun irid iħallas għat-testijiet tal-Covid-19 f’kull okkażjoni meta jitlaq u jirritorna l-Ingilterra, iżda Grant Shapps sostna l-ħtieġa li titnaqqas l-ispiża ta’ dawn it-testijiet fost il-kritika min-naħa tal-persuni involuti fis-settur tal-ivvjaġġar.

In-nies involuti mal-linji tal-ajru low cost qed jinkwetaw li l-ispiża ta’ madwar 100 lira Sterlina għal kull persuna biex tagħmel it-test tal-Covid kapaċi taqta’ qalb in-nies li jixtiequ jibbukkjaw titijra – u meta f’sitwazzjoni bħal din ħafna passiġġieri potenzjali jkunu ħallsu aktar għat-test milli għall-vjaġġ innifsu.

Sadanittant, kull ċittadin fl-Ingilterra minn issa ‘il quddiem jista’ jagħmel żewġ testijiet tar-rapid testing b’xejn fil-ġimgħa.

Is-sitwazzjoni għar-residenti f’Ġibiltà,issa rritornat għan-normal sitt xhur wara li ddaħħlet fis-seħħ il-miżura tal-ilbies tal-maskri fit-toroq u fuq barra. Min issa, ir-residenti ta’ dan it-territorju ta’ sovranità Britannika jistgħu joħorġu fl-ispazji pubbliċi u fuq barra mingħajr ilbies tal-maskra. Intant il-maskri għadhom qed jintlibsu fil-ħwienet u fuq il-mezzi tat-trasport pubbliku.

Il-Gvern ta’ Ġibiltà stqarr li l-aħħar żvilupp kien possibbli wara li tlaqqmet il-parti l-kbira tal-popolazzjoni adulta f’Ġibiltà u meta l-każi tal-Covid-19 fit-territorju kienu baxxi ħafna. F’Ġibiltà mietu 94 persuni bil-Covid-19 minn fost popolazzjoni ta’ 33,700 persuna.

Fi żviluppi oħra, il-Brażil, nhar il-Ħamis, irreġistra għall-ewwel darba, ’il fuq minn 4,000 mewta relatata mal-Covid-19 f’24 siegħa. Dan meta l-varjant ‘Brażiljan’ li jinfetta aktar malajr lin-nies qed ikompli jixpruna l-każi tal-mard fil-pajjiż Latin Amerikan.

L-isptarijiet fil-Brażil huma aktar iffullati minn qabel bil-pazjenti, biċ-ċifra tal-vittmi tal-Covid-19 tilħaq it-337,000 – li hi t-tieni l-akbar ċifra tal-imwiet wara tal-Istati Uniti.