Lokali Qorti

Fuq akkuża waħda Keith Schembri jista’ jmur massimu ta’ 18-il sena ħabs

…. inkellla disa’ snin ħabs fil-Qorti tal-Maġistrati jekk ma jgħaddix ġuri, barra multa qawwija

Huwa l-Avukat Ġenerali li jiddeċiedi jekk Keith Schembri jgħaddix ġuri fuq ħasil ta’ flus u akkużi oħra jew li l-każ tiegħu jiġi deċiż mill-Qorti tal-Maġistrati.

Dan jagħmel differenza kbira fil-piena peress li f’ġuri l-piena massima hija dik ta’ 18-il sena ħabs filwaqt li jekk il-każ jiġi deċiż minn Maġistrat il-piena massima titla’ għal disa’ snin ħabs.

Dan jgħodd ukoll ma’ dak li għandu x’jaqsam ma’ multa. Skont il-liġi minbarra ħabs kull min jinsab ħati ta’ ħasil ta’ flus jista’ jeħel ħabs jew multa, u adirittura t-tnejn flimkien. Jekk il-każ jiġi deċiż minn ġuri l-piena massima hija dik ta’ €2,500,000 filwaqt li quddiem il-Qorti tal-Maġistrati l-multa massima titla’ sa €250,000.

Il-Kap 373 tal-liġi ta’ Malta jgħid li kull persuna li tiġi akkużata b’reat ta’ ‘moneylaundering’ taħt dan l-Att għandha tiġi proċessata fil-Qorti Kriminali jew fil-Qorti tal-Maġistrati, skont ma l-Avukat Ġenerali jista’ jordna, u tista’ teħel jekk tinsab ħatja, piena ta’ priġunerija għal żmien mhux anqas minn erba’ snin iżda mhux iżjed minn 18-il sena, jew multa ta’mhux anqas minn €50,000 u mhux iżjed minn €2.5miljun, jew dik il-multa u priġunerija flimkien.

Il-piena mill-Qorti tal-Maġistrati
Mill-Qorti tal-Maġistrati, l-piena ta’priġunerija hija għal żmien mhux inqas minn 12-il xahar iżda mhux iżjed minn disa’ snin, jew multa ta’ mhux inqas minn €20,000 iżda mhux iżjed minn €250,000, jew dik il-multa u priġunerija flimkien.

Skont il-liġi biex tingħata direzzjoni skont dan is-subartikolu, l-Avukat Ġenerali għandu jikkunsidra l-età tal-ħati, il-kondotta preċedenti tal-ħati, il-valur tal-proprjetà li ġiet ‘laundered’ u ċ-ċirkostanzi l-oħra kollha tar-reat.

Huwa l-Avukat Ġenerali li jordna li l-persuna akkużata tiġi ġġudikata fil-Qorti Kriminali skont dan is-subartikolu, meta tintemm il-kumpilazzjoni, f’każ li l-Qorti tal-Maġistrati, bħala Qorti Istruttorja tiddeċiedi li hemm raġunijiet biżżejjed biex l-akkużat jitqiegħed taħt att ta’ akkuża.

Il-piena fil-konfront ta’ Keith Schembri tgħodd ukoll għal 10 akkużati l-oħra li tressqu l-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ fosthom Brian Tonna u Karl Cini fejn għal kull akkuża hemm piena marbuta magħha f’każ ta’ ħtija, anke jekk mhux waħda qawwija daqs dik ta’ ħasil ta’ flus.

Akkużi wkoll ta’ xhieda falza
L-eks Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, huwa mixli wkoll bi sperġur, dik li xehed falz quddiem il-Maġistrat ta’ Inkjesta, Nathasha Galea Sciberras.

L-artikolu 108(1) tal-Kap 9 li jitkellem dwar ġurament falz jgħid li jekk xi ħadd, jaħlef il-falz quddiem imħallef, maġistrat jew quddiem uffiċjal ieħor li jkollu s-setgħa b’liġi li jagħti l-ġurament, jeħel, meta jinsab ħati, l-piena ta’ priġunerija minn erba’ xhur sa sena.

Keith Schembri, nhar it-Tlieta ħareġ mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wara li s-Sibt 20 ta’ Marzu tressaq il-Qorti fuq numru ta’ akkużi flimkien ma’ 10 persuni oħra, inkluż missieru, u 20 kumpanija.

Schembri għandu 45 sena u joqgħod il-Mellieħa. Huwa tressaq il-Qorti kemm f’ismu, kif ukoll f’isem għadd mill-kumpaniji tiegħu. Huwa qed jiġi mixli li bejn l-2005 u l-2019 għamel il-ħasil tal-flus billi kkonverta jew trasferixxa propjetà meta kien jaf li dik il-propjetà kienet inkisbet minn xi attività kriminal.

Qed jiġi akkużat ukoll li ħeba jew wera ħaġa b’oħra meta kien jaf li dik il-propjetà nkisbet minn attività kriminali, li ttanta jagħmel il-ħwejjeġ jew attivitajiet illegali u aġixxa bħala kompliċi fit-tifsir tal-Artikolu 42 tal-Kodiċi Kriminali;

Li f’ismu kif ukoll f’isem il-kumpanija Kasco Engineering Ltd, fl-istess perjodu, assoċja ruħu ma’ xi persuna jew persuni f’Malta jew barra bil-għan li jwettaq reat f’Malta li għalih hemm piena ta’ priġunerija;

Qed jiġi akkużat ukoll li ħoloq jew uża xi fattura jew xi dokument jew rekord ta’ kontabbiltà li kien fih informazzjoni falza jew mhux kompleta jew naqas milli jirreġistra xi ħlas.

Kif ukoll li uża mezzi illegali, ismijiet jew dettalji foloz jew li gideb biex titwemmen l-eżistenza ta’ intrapriżi foloz, jew ta’ ħila, setgħa fuq ħaddieħor, jew ta’ krediti immaġinarji, jew biex iqanqal tama jew biża’ dwar xi ġrajja kimerika, għamel bi ħsara ta’ Progress Press u/jew MaltaEnterprise u/jew entitajiet oħra.

Ismijiet jew kwalifiki foloz
Akkuża oħra tgħid li f’ismu u f’isem il-kumpanija Kasco Engineering Limited fl-2019 u s-snin ta’ qabel uża ismijiet foloz jew kwalifiki foloz jew b’ingann ieħor, għamel qligħ ta’ aktar minn €5,000 bi ħsara ta’ Progress Press u/jew MaltaEnterprise u/jew entitajiet oħra;

Jinsab mixli wkoll li kkorrompa, f’ismu u f’isem il-kumpanija Kasco, lil Adrian Hillman, Vincent Buhagiar jew oħrajn fit-tmun ta’ Allied Newspapers jew Progress Press, billi ta xi rigal jew wegħda jew offerta ta’ xi rigal ta’ flus jew ta’ xi vantaġġ ieħor, li Hillman u Buhagiar ma kellhomx dritt għalih; u li barra li dawn aċċettaw il-ħlas, il-wegħda jew l-offerta, naqsu milli jagħmlu dak li kien fid-dmir tagħhom li jagħmlu;

Mixli wkoll li għamel dikjarazzjoni falza jew ta tagħrif falz lill-Kummissarju tat-Taxxa, li fil-11 ta’ Settembru tal-2018 ħalef falz fil-qorti quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, li fil-11 ta’ Settembru tal-2018 u s-snin preċedenti għamel falsifikazzjoni bħala klijent u li ffalsifika dokument pubbliku, kuntratt kummerċjali jew dokument ta’ bank privat permezz ta’ firem u li b’mod konxju uża att, kitba jew skrittura falza.