Internazzjonali

Greċja: Ġurnalista prominenti maqtul barra d-dar tiegħu

Il-ġurnalista Grieg, Giorgos Karaivaz, inqatel kiesaħ u biered barra d-dar tiegħu f’Alimos, li hu subborg ta’ Ateni.

Ir-rapporti qalu li żewġ irġiel fuq mutur sparaw sitt darbiet għal Karaivaz waqt li l-ġurnalista kien ħiereġ mill-karozza tiegħu. L-indikazzjonijiet huma li l-qattiela użaw silencer peress li l-ġirien tal-ġurnalista ma semgħu xejn.

Mhux ċar għalfejn il-qattiela segwew lil Karaivaz jew qagħdu jistennew lill-ġurnalista biex jasal id-dar. Il-ġurnalista kien jispeċjalizza f’rapporti dwar reati kriminali man-network televiżiv STAR u kien protagonista wkoll fi spettaklu televiżiv mal-istess network.

L-investigaturi bħalissa qed jiġbru l-informazzjoni li tista’ tgħin fl-istħarriġ tagħhom u mistennija jiġbru l-evidenza mill-kameras tas-sigurtà fil-post fejn seħħ il-qtil.

L-omiċidju qanqal xokk kbir fil-Greċja — b’mod partikulari fost il-ġurnalisti. Ħafna jemmnu li l-ħidma ta’ Karaivaz bħala crime reporter setgħet kellha x’taqsam mal-assassinju.