Futbol Sport

Ħamrun Spartans champions tal-Kampjonat BOV Premier wara 30 sena

(Ritratt: Trevor Sollars)

Ħamrun Spartans huma ċ-champions il-ġodda tal-Kampjonat BOV Premier wara li l-Eżekuttiv tal-MFA ddeċieda li l-Kampjonati tal-futbol lokali jintemmu. Dan wara li nhar l-Erbgħa l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-isport lokali mhux se jkun jista’ jitkompla minn nhar it-Tnejn.

Ħamrun dan l-istaġun kienu l-aktar tim konsistenti fejn sa meta twaqqaf l-isport lokali, huma kienu fl-ewwel post tal-klassifika b’56 punt minn 23 partita. Dan l-istaġun huma rebħu 17-il partita, ġew draw f’ħames logħbiet u tilfu partita waħda. Ħamrun kellhom ukoll l-aħjar attakk fil-Kampjonat Premier fejn skorjaw 56 gowl u kellhom ukoll l-aħjar difiża flimkien ma’ Hibernians fejn sofrew 20 gowl.

Dan se jkun t-tmien kampjonat ta’ Ħamrun Spartans fl-istorja tal-klabb u l-ewwel wieħed fi tletin sena hekk kif l-aħħar kampjonat li rebħu kien fl-istaġun 1990-91.

Mal-wasla ta’ Joseph Portelli bħala l-investitur ewlieni fil-klabb ta’ Ħamrun fejn aktar tard matul l-istaġun kien maħtur bħala President, huma wettqu bosta akkwisti importanti fejn apparti li ħatru lil Mark Buttigieg bħala kowċ, kisbu għadd ta’ players promittenti lokali fosthom lil Joseph Mbong, Matthew Guillaumier u Juan Corbolan u komplew isaħħu l-iskwadra tagħhom f’Jannar b’żewġ akkwisti ta’ players barranin stabbiliti dak ta’ Claude Dielna u Seydou Doumbia.

Fatt interessanti hu li Mark Buttigieg sar l-ewwel Għawdxi li rebaħ il-Kampjonat Premier Malti.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech jawgura lit-tim ta’ Ħamrun Spartans

Permezz ta’ messaġġ fuq il-paġna tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech feraħ lit-tim ta’ Ħamrun Spartans għal dan is-suċċess.

Hu rrimarka kif l-isport f’pajjiżna għandu bżonn ikompli jissaħħaħ bil-fatti mux bil-kliem biss fid-dawl tas-sitwazzjoni preżenti f’pajjiżna.