Lokali

Il-Gvern għandu jispjega kif il-Bord il-ġdid tal-PBS se jassigura t-trasparenza – PN

Stqarrija tal-Partit Nazzjonalista

L-aħbar li l-Gvern biddel il-Bord tal-PBS seba’ xhur biss wara li kien inħatar turi kemm kienet ġustifikata l-kritika tal-Partit Nazzjonalista f’Settembru li għadda, li dik il-ħatra kienet opportunita’ mitlufa biex ikun hemm riforma siewja fl-istess PBS, riforma li tassigura l-indipendenza u l-imparzjalita’ tax-xandar pubbliku nazzjonali.

Huwa evidenti illi barra mill-problema li tirrepeti ruħha ta’ nuqqas ta’ imparzjalita’ fil-programmi tal-PBS, u dan mhux biss fl-aħbarijiet, il-PBS għandu problemi strutturali illi l-Gvern naqas li jindirizza matul is-snin. Fost dawn ta’ min isemmi bosta karigi importanti maniġerjali li għadhom ma mtlewx.

Barra mill-fatt li l-Gvern ma ta l-ebda dettalji tal-programm ta’ riforma li qed isostni li fassal il-Bord tal-PBS li kien hemm f’dawn l-aħħar seba’ xhur, wieħed jiddubita kemm il-ħatra ta’ chairman eżekuttiv hija l-aħjar soluzzjoni sabiex jitwettqu r-riformi fil-PBS. Din il-ħatra se tfisser konċentrazzjoni esaġerata ta’ poter f’persuna waħda mingħajr l-iskrutinju effettiv ta’ bord ta’ diretturi.

Il-Gvern għandu jispjega għaliex għażel li jimxi b’dan il-mod u jistenna illi l-programm ta’ riforma jiġi diskuss fil-Parlament qabel ma jibda jitwettaq. Il-Partit Nazzjonalista jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm trasparenza totali kif il-PBS tiġġestixxi l-interessi kummerċjali tagħha u kif il-flus pubbliċi se jintefqu. Wara kollox il-poplu għandu jkun ċert li l-kważi €30,000,000 li se jiġu investiti fil-PBS fil-ħames snin li ġejjin minn fondi pubbliċi, se jintefqu sew u lit-termini tal-Public Service Obligation se jiġu rispettati.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jistieden lil Gvern sabiex jispjega kif il-mod kif ġie strutturat il-Bord tad-diretturi l-ġdid se jassigura t-trasparenza meħtieġa fin-nefqa tal-fondi pubbliċi u kif il-PBS se taqdi l-missjoni tagħha bħala x-xandar pubbliku nazzjonali. Fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni ċara, kulħadd ikun jista’ jiġbed il-konklużjonijiet tiegħu illi dan huwa eżerċizzju ieħor kożmetiku li mhux se jservi biex il-PBS taqdi aħjar l-missjoni tagħha imma biss biex javvanza l-interessi partiġġjani tal-Gvern.

Din l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista kienet iffirmata minn Joseph Ellis, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja, għar-Riforma Kostituzzjonali, d-Djalogu Soċjali u x-Xandir Nazzjonali kif ukoll Therese Comodini Cachia, Kelliem tal-Oppożizzjoni għad-Drittijiet Umani u l-Governanza Tajba.