Lokali

“Il-ktieb ma jibżax mill-isfidi ġodda… jibża’ biss mill-apatija tal-poplu tiegħu”

Intervista ma’ Joseph Mizzi, direttur ta’ Klabb Kotba Maltin

“Il-ktieb ma jmut qatt. Imma l-isfidi huma kbar… Għandna bżonn ta’ aktar awturi ġodda f’kull qasam u f’kull ġeneru biex minnhom jintgħażlu u joħorġu l-ġganti ta’ għada. Hemm bżonn li s-suq jikber u ħafna jagħrfu l-ktieb mhux biss bħala mezz biex tgħaddi minn eżami imma mezz ta’ serħan u gost. Il-ktieb ma jibżax mill-isfidi ġodda, jibża’ biss mill-apatija tal-poplu tiegħu stess.”

Hekk qal Joseph Mizzi, direttur ta’ Klabb Kotba Maltin, f’intervista ma’ dan il-ġurnal fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mill-ewwel pubblikazzjonijiet tal-Klabb Kotba Maltin. 50 sena li l-KKM jagħlaqhom proprju llum il-Ġimgħa, 9 ta’ April 2021.

Iltqajt ma’ Joseph u għamiltlu din l-intervista qasira.

Joe, 50 sena hu tragward ambizzjuż u importanti f’ħajja ta’ organizzazzjoni li mhux kulħadd jasal għalih. Hemm xi sigriet biex dar tal-pubblikazzjonijiet ikollha mixja daqshekk twila ta’ suċċess fis-soċjetà Maltija?

Ħamsin sena hu żmien twil. Żmien li fih tara minn kollox u tesperjenza ħafna. Is-suċċess, madankollu, ma jiġix mill-bravura imma min-nuqqas tagħha. Hu aktar faċli li titgħallem meta xi ħaġa tmur ħażina u tibni fuq l-iżbalji milli sserraħ rasek fuq is-suċċess.

Fuq kollox is-suċċess tal-Klabb hu wkoll mertu ta’ mijiet ta’ awturi, kollaboraturi, kif ukoll ix-xerrejja tal-kotba. Mingħajr dawn l-elementi kollha ma jista’ qatt ikollna suq tal-ktieb.

Fl-aħħar ma nistax ma nsemmix il-kontribut, u s-sostenn bla kundizzjoni, li tat il-mamà kif ukoll dak ta’ ħuti Annamaria u Ginette.

X’tiftakar int personali mill-bidu ta’ dan il-vjaġġ? X’kienet il-viżjoni li kellu l-għażiż missierek Pawlu Mizzi, illum meqjus minn bosta bħala missier il-ktieb Malti?

Biex wieħed jifhem dak li għamel il-papà bilfors irid jagħraf is-sitwazzjoni ta’ ħamsin sena ilu. Qajla kien jiġi ppubblikat ktieb Malta – fil-fatt sal-1970 kienu joħorġu bejn erbgħa u sitt kotba fis-sena.

F’dan il-perjodu, post-indipendenza, beda jinħass l-għarfien nazzjonali anki permezz tal-ilsien Malti. Il-papà ħolom li jorganizza dar tal-pubblikazzjoni li toffri servizz sħiħ mhux biss lill-awtur imma wkoll lix-xerrej. Għalhekk fost l-għanijiet, il-Klabb ried joħloq librerija sabiħa ta’ kotba Maltin biex ikun kultivat il-ħsieb u jitwassal maħdum bil-Malti f’kull dar Maltija.

Għalhekk l-ewwel erba’ kotba pubblikati kienu: rumanz: Il-Gaġġa ta’ Frans Sammut; poeżiji: Mas-Sejħa tat-Tnabar antoloġija ta’ Mario Azzopardi, Oliver Friggieri u Achille Mizzi; traduzzjoni: L-Għanja tas-Sienja traduzzjoni ta’ Laurent Ropa; u riċerka storika: Lejn Tnissil tan-Nazzjon ta’ Henry Frendo. Jiġifieri ġeneri differenti għall-gosti ta’ kulħadd.

Meta beda l-Klabb jien kont għadni tifel żgħir imma niftakar sew li anki jien kelli mmidd idi u nitwi u ninfilsa l-ewwel fuljett u l-ewwel ktieb ġo envelopp biex wara jittieħdu l-posta. Il-papà kellu don li joħroġ l-aħjar minn kulħadd u għal żmien twil din kienet qisha logħba u mhux xogħol f’għajnejja.

F’dawn is-snin kollha nazzarda nistaqsik kemm-il pubblikazzjoni kellkom u forsi liema kienet l-aktar waħda li għamlet impatt fuqek?

Hu diffiċli li ngħid eżatt kemm ippubblikajna kotba. B’xorti ħażina qatt ma żammejna bibljografija sħiħa tagħna, imma minn kalkolu li għamilna dan l-aħħar, sa issa, il-Klabb ippubblika mal-1,300 ktieb. Bla dubju ta’ xejn huma bosta dawk il-kotba li għadhom magħrufa, fosthom il-volumi ta’ Herbert Ganado, Rajt Malta Tinbidel, u L-Istorja ta’ Malta ta’ Andrew Vella.

Ma nistax ma nsemmix iż-żewġ pilastri tal-ilsien Malti, Il-Miklem Malti ta’ Erin Serracino Inglott u The Maltese English Maltese Dictionary ta’ Ġużè Aquilina. Forsi imma l-aktar li kienet għal qalbna kienet ir-rivista Heritage li bis-sempliċità tagħha għenet lil ħafna jagħrfu u jersqu aktar lejn l-istorja u l-kultura tagħna.

Matul dawn is-snin kif rajtu jiżviluppa l-interess tal-Maltin għall-qari bil-Malti?

Bla dubju ta’ xejn, l-interess tal-Maltin fil-qari bil-Malti mit-twaqqif tal-Klabb kiber. Dan jixhduh mhux biss in-numru ta’ pubblikaturi li għandna llum imma wkoll n-numru ta’ kotba Maltin li jisbqu aktar minn 800 fis-sena. Madankollu l-Malti mhux poplu li jaqra ħafna. Il-klima Mediterranea u l-karattru tal-Maltin, bħall-ġnus kollha li joqogħdu f’dawn in-naħat tad-dinja, iġġegħilna nqattgħu aktar ħin fil-miftuħ fil-kumpanija ta’ xulxin milli naqraw.

L-ammont ta’ kotba, għalkemm żdiedu fil-għadd, naqsu fil-kwantità f’dik li hi tiratura u llum jiġu stampati ferm inqas minn ħamsin sena ilu, meta fl-istess żmien, il-popolazzjoni kważi rduppjat. Filwaqt li ħamsin sena ilu kienu jiġu stampati madwar elf kopja ta’ kull ktieb ġdid, illum it-tiratura medja ta’ kull ktieb tvarja bejn 300 u 500 kopja. Paradoss li f’ġenerazzjonijiet li ma jafux karistija u li kellhom aċċess sħiħ lejn it-tagħlim, is-suq tal-ktieb Malti ma kibirx bl-istess pass.

Fi żmien ta’ tant teknoloġija u kompetizzjoni sfrenata ta’ kotba li jaslu b’mod tant faċli minn kull rokna tad-dinja, tara futur għall-Klabb Kotba Maltin? Naf li mhux faċli tbassar, imma kif taħseb li se jkunu l-50 sena li jmiss?

Il-ktieb ma jmut qatt. Imma l-isfidi huma kbar. Bla dubju ta’ xejn bħala pubblikatur irrid nara x’toffri t-teknoloġija biex din isservi ta’ xprun għal ideat ġodda u modi ġodda ta’ kif isir ktieb, kif jitwassal u kif jinqara. Imma t-teknoloġija mhi xejn weħidha.

Għandna bżonn ta’ aktar awturi ġodda f’kull qasam u f’kull ġeneru biex minnhom jintgħażlu u joħorġu l-ġganti ta’ għada. Hemm bżonn li s-suq jikber u ħafna jagħrfu l-ktieb mhux biss bħala mezz biex tgħaddi minn eżami imma mezz ta’ serħan u gost.

Il-ktieb ma jibżax mill-isfidi ġodda, jibża’ biss mill-apatija tal-poplu tiegħu stess.

Dwar dan l-anniversarju ara wkoll Il-Mument tal-Ħadd li ġej.