Futbol Sport

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA jiddeċiedi li jwaqqaf il-kampjonati tal-futbol lokali

Wara li nhar l-Erbgħa l-isport f’pajjiżna baqa’ projbit, l-MFA wara laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv iddeċidiet li twaqqaf il-kampjonati lokali tal-futbol.

Ħamrun Spartans huma ċ-champions il-ġodda tal-futbol lokali filwaqt li b’din id-deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA, ifisser ukoll, li Hibernians, Gżira United u Birkirkara se jkunu qed jilgħabu fl-Ewropa wkoll l-istaġun li ġej filwaqt li Senglea Atheltic, Lija Athletic, Tarxien Rainbows u Żejtun Corinthians kienu relegati għall-BOV Challenge League. Il-play-off bejn it-tim tal-ħdax-il tim fil-kampjonat Premier u t-tielet tim fil-BOV Challenge League mhux se ssir.

Kien deċiż ukoll li l-BOV Challenge League jiġi ddikjarat ‘null’ hekk kif ntlagħbu anqas minn 75% tal-partiti u b’hekk imur kontra dak li jgħid l-istatut tal-MFA fejn jgħid li f’każ li l-kampjonati jieqfu qabel ma jkunu ntemmu, il-klassifika tkun tgħodd bħala finali jekk ikunu ntlagħbu 75% tal-partiti. Dan ifisser li mill-BOV Challenge League l-ebda tim ma’ huwa se jkun promoss u filwaqt li Qormi huma relegati minħabba li qabel twaqqaf il-kampjonat kienu matematikament relegati.

Fil-BOV Amateur League, il-kampjonat kien intemm u b’hekk Luqa St. Andrews, Melita, Mġarr United u Rabat Ajax ġew promossi għall-BOV Challenge League.

Fil-Kampjonat tan-Nisa, Birirkara kienu nominati mill-MFA sabiex jirrpareżentaw lil Malta fl-Ewropa minkejja li ma ntlaħqitx il-kwota ta’ 75% ta’ partiti li ntlagħbu.

Ġie deċiż ukoll li kull kompetizzjoni li taqgħa taħt l-MFA ġie kkanċellata. Fil-jiem li ġejjin se tkun qed tittieħed deċiżjoni dwar x’se jkun qed jiġri fl-istaġun li ġej f’laqgħa tal-Kunsill li ġej hekk kif id-deċiżjonijiet li ttieħdu llum huma bbażati fuq dak li jgħid l-istatut tal-MFA.