Coronavirus Ekonomija Lokali

“Il-wage supplement m’għadhiex biżżejjed” – Abigail Mamo

“Il-wage supplement m’għadhiex biżżejjed, dawn mhux flus li qed imorru dirett fin-negozji. Qed isofru telf kbir bil-flus li qed joħorġu minn ġewwa biex jissuplimentaw il-wage supplement apparti flus li qed joħorġu f’kirjiet u f’xiri ta’ apparat biex jimxu mal-miżuri tal-COVID-19. L-għajnuna tal-Gvern hija l-bażi imma mhux se tkun biżżejjed sa meta nibdew il-fażi ta’ rkupru għaliex numru ta’ negozji mhux se jwasslu sal-1 ta’ Ġunju.” – Hekk sostniet il-Kap Eżekuttiv taċ-Chamber of SME’s, Abigail Mamo f’intervista waqt il-program Net Live, fejn insistiet li diskussjoni minn naħa tal-Gvern mhix issir.

Hi stqarret li konsultazzjoni adegwata setgħet iċċarat dubji li għandhom in-negozji wara dak li ġie kkomunikat minn Robert Abela meta ħabbar tibdil fil-miżuri tal-Covid – konsultazzjoni li setgħet ukoll twassal għal pjan ekonomiku aktar sensibbli. Abigail Mamo sejħet din bħala opportunità mitlufa.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tan-Negozji ż-Żgħar qalet li għalkemm kulħadd japprezza s-sitwazzjoni delikata ta’ bħalissa, u hemm qbil dwar ftuħ gradwali, wieħed ma jistax iżda ma jħossx livell kbir ta’ tħassib għall-fatt li n-negozji se jkomplu jħabbtu wiċċhom ma’ dawn l-isfidi. Hi spjegat li pajjiżi oħrajn diġa għandhom pjan konkret tat-triq ‘il quddiem.

Wara sena sħiħa ta’ tbatija n-negozji bdew l-2021 b’tamiet kbar, iżda hekk kif dawn kellhom jgħalqu l-bibien tagħhom f’dawn il-ġimgħat, sofrew daqqa kbira oħra.