Lokali Parlament

Il-Gvern iwaqqaf diskussjoni dwar il-Ministru Carmelo Abela fil-Parlament

Deputati ta-Gvern dalgħodu bbojkottjaw laqgħa tal-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li kienet se tiddiskuti rapport tal-Kummissarju għall-Istandards dwar abbuż ta’ fondi pubbliċi mill-Ministru Carmelo Abela biex b’hekk din il-laqgħa ma setgħetx issir.

Kien l-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia, li hu wkoll iċ-Chairman ta’ dan il-kumitat, li fil-bidu tal-laqgħa qal li minħabba li ż-żewġ deputati Laburisti Edward Zammit Lewis u Glenn Bedingfield m’attendewx għal din il-laqgħa, il-kumitat ma kellux kworum u għalhekk ma setax jiltaqa’.

Il-kumitat dalgħodu kien se jiddiskuti r-rapprot tal-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler dwar l-użu ta’ fondi pubbliċi mill-Ministru Carmelo Abela fil-media soċjali għall-propoganda personali tiegħu.

Quddiem din is-sitwazzjoni id-deputati Laburisti u membri tal-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika Glenn Bedingfield u Edwrad Zammit Lewis kitbu lill-Ispeaker biex jinvestiga l-mod kif ir-rapport tal-Kummissarju George Hyzler kien fil-media qabel tressaq fil-Kumitat Parlamentari.

Wara din il-pożizzjoni, id-deputati Laburisti dalgħodu ibbojkottjaw is-seduta tal-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika biex din il-laqgħa ma setgħetx issir.

Id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia qalet li qed nippermettu li l-laqgħa tkun sfruttata bil-mod li jippermetti li deputati membri tal-kumitat iwettqu diżripett lejn l-Ispeaker u jxandru fl-aħbariajiet li mhux se jattendu għall-kumitat u ma jattendux. Hi qalet li d-deputati Laburistsi mhux qed jaqdu dmirhom fil-kumitat.

L-Ispeaker qal li la m’hemmx kworum, il-laqgħa ma tistax tibda u għalhekk hu marbut li fi żmien sebat ijiem irid isejjaħ laqgħa oħra. Fil-fatt il-laqgħa se tissejjaħ nhar l-Erbgħa fl-4.30 pm.

Therese Comdini Cahia qalet li tifhem id-deċiżjoni tal-Ispeaker iżda dan jagħti lok għal abbuż kbir kif qed iseħħ illum wara li żewġ membri ftehmu bejniethom kif iwaqqfu x-xogħol tal-kumitat. Hi qalet li lbieraħ kien hemm it-tħabbira mid-deputati tal-gvern li xandru l-itta li bagħtu lill-Ispeaker. Din hi strateġija kif il-kumitat ma jitħalliex jagħmel xogħolu.

Meta l-kworum ikun interpetat b’dak il-mod, ikun qed jagħti dritt lid-deputati tal-gvern li jwaqqfu x-xogħol tal-Kamra.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li dan l-aġir tad-deputati tal-gvern irid jidher ukoll kull darba li jitressaq rapport tal-Kummissarju fejn id-deputati Laburisti dejjem joħolqu problema.

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li l-kumitat hu kompost minn ħames persuni, tnejn mill-Gvern, tnejn mill-Oppożizzjoni u l-Ispeaker, li hu wkoll membru tal-kumitat minbarra li hu chariman. Il-liġi hi ntenzjonata propju biex ikun evitat propju dak li qed iseħħ illum. B’din id-deċiżjoni x-xogħol mhux se jsir u se jinħoloq preċedent jekk ikun aċċettat li żewġ membri tal-kumitat jistgħu jimblokkaw il-ħidma tal-kumitat. Hu talab lill-Ispeaker jirrikonsidra l-pożizzjoni tiegħu.

L-Ispeaker qal li ċ-Chairman mhux membru tal-kumitat u għalhekk il-kumitat m’għandux kworum. Hu sostna li hu mhux kompliċi f’din is-sitwazzjoni u qed isejjaħ il-laqgħa f’inqas minn sebat ijiem għaliex jeħtieġ ikun hawn bilanċ fid-dibattitu fil-kumitat.

Thesrese Comodini Cachia qalet li l-membri li ma attendewx qed iwaqqfu d-diskussjoni u dan hu abbuż u diżrispett lejn l-istess Speaker. Hi staqsiet x’jiġri jekk il-ġimgħa d-dieħla l-membri tal-Gvern jerġgħu ma jattendux.