Futbol Sport

ILLUM: Laqgħa importanti tal-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA

Wara li nhar l-Erbgħa l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-isport mhux se jitħalla jitkompla minn nhar it-Tnejn, aktar tard illum, se ssir laqgħa importanti tal-MFA fejn se jkun diskuss is-sitwazzjoni preżenti u l-impatt li din se tkun qed tħalli fuq il-Kampjonati Lokali tal-Futbol.

L-istaġun li għadda meta f’sitwazzjoni simili kien twaqqaf il-Kampjonat, il-Kunsill tal-MFA kien iddeċieda li fil-Kampjonat BOV Premier Floriana jingħataw t-titlu u jikkompetu fil-UEFA Champions League hekk kif kienu fl-ewwel post meta twaqqaf il-kampjonat filwaqt li Valletta, Hibernians u Sirens kwalifikaw għal Europa League. Kien ġie deċiż ukoll li l-ebda tim ma jkun relegat.

L-MFA minn dakinhar fasslet set ta’ regoli li ddaħlu fl-istatut tal-istess assoċjazzjoni dwar x’għandu jsir meta l-kampjonat jitwaqqaf minħabba raġunijiet li ma jkunu taħt il-kontroll tal-assoċjazzjoni. L-istatut jgħid li jekk it-timijiet kollha jkunu lagħbu 75% tal-partiti meta jieqaf l-kampjonat, il-klassifika, kif tkun dakinhar li twaqqaf il-kampjonat tkun waħda finali filwaqt li jekk ikunu ntlagħbu anqas minn 75% l-kampjonat jiġi dikkjarat ‘null’.

Fil-preżent jidher li fil-Kampjonat BOV Premier u fl-Amateur League ntlagħbu 75% tal-partiti filwaqt li fiċ-Challenge League dan għadu ma sarx b’konsegwenza li dan il-kampjonat jiġi dikkjarat ‘null’. L-Amateur League ntemm b’mod normali fejn Luqa St. Andrews, Mġarr United, Melita u Rabat Ajax ġew promossi għaċ-Challenge League. Fil-Kampjonat Premier, jekk il-kampjonat jitwaqqaf u jkun applikat dak li hemm fl-istatu, Ħamrun Spartans isiru champions wara 30 sena filwaqt li Hibernians, Gżira United u Birkirkara jiksbu post fl-Ewropa. Senglea Athletic, Lija Athletic, Tarxien Rainbows u Żejtun Corinthians ikunu relegati.