Internazzjonali

Imut il-Prinċep Philip tal-Ingilterra fl-età ta’ 99 sena

L-Ingilterra f’luttu għall-mewt tal-Prinċep Philip, fl-età ta’ 99 sena

Il-Prinċep Philip, id-Duka ta’ Edinburgh, miet fl-età ta’ 99 sena fil-Kastell ta’ Windsor, bl-aħbar toħroġ kmieni wara nofsinar mill-Palazz ta’ Buckingham.

Id-Duka kien ilu 73 sena miżżewweġ lir-Reġina Eliżabetta u proprju ftit tal-ġimgħat ilu kien ħareġ mill-isptar fejn għamel żmien rikoverat.

Il-Kastell ta’ Windsor bħalissa qed iħejji d-dettalji tal-funeral li għandhom jitħabbru fis-sigħat li jmiss u meta ‘il-Familja Rjali Ingliża qed tissieħeb man-nies madwar id-dinja f’luttu għad-Duka’.

Il-Prinċep Philip – li twieled fil-gżira Griega ta’ Korfu, fl-10 ta’ Ġunju tal-192 1–  kellu anki konnessjoni mill-qrib ma’ Malta wara li, f’żgħożitu, kien għamel żmien residenti f’pajjiżna.

Fl-aħħar snin hu kien qed ibati bi problemi tas-saħħa u l-aħħar darba li daħal  l-isptar kienet fis-16 ta’ Frar meta  ħassu ma jiflaħx. Ftit wara hu kien ittrasferit lejn sptar ieħor biex ikun trattat għal infezzjoni u kundizzjoni f’qalbu qabel ħareġ mill-isptar fis-16 ta’ Marzu. L-uffiċjali tal-Palazz dakinar kienu fissru lill-Prinċep bħala ‘f’kundizzjoni fiżika tajba u b’moral għoli’.

Il-Prinċep Philip iddedika ħajtu lir-Reġina (li żżewwiġha fl-1947 meta hi kienet għadha prinċipessa) b’lealtà assoluta u kellu jmut qabel seta’ jiċċelebra għeluq il-100 sena tiegħu f’Ġunju li ġej. Intant il-Prinċep kien l-aktar sieħeb ta’ Kap tal-monarkija Britannika li dam iservi fl-istorja tal-pajjiż u meta qeda b’distinzjoni kbira dan ir-rwol ta’ Prince consort.

Id-Duka u r-Reġina kellhom erbat itfal (il-Prinċpijiet Charles, Andrew u Edward u l-Prinċipessa Anne)  u tmien neputijiet — bil-Prinċep ikun anki l-buż-bużnannu ta’ għaxra.

Il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, kien fost l-ewwel li kkummenta wara l-aħbar tal-mewt tad-Duka ta’ Edinburgh. Johnson qal li l-Prinċep kien ispirazzjoni għal ammont kbir ta’ żgħażagħ minbarra li kien strumentali biex l-monarkija tibqa’ l-istituzzjoni li hi…’Istituzzjoni importanti ħafna għas-sens ta’ bilanċ u l-identità tal-poplu Britanniku’.

L-eloġji dwar il-Prinċep Philip – flimkien mal-messaġġi ta’ niket u kondoljanzi – ma waqfux mingħand il-mexxejja politiċi tar-Renju Unit, kif ukoll mingħand il-pajjiżi-membri tal-Commonwealth u Stati oħrajn madwar id-dinja.

Dan waqt li n-nies – sa minn sekondi wara l-aħbar – kienu qed iqiegħdu l-bukketti tal-fjuri barra l-Kastell ta’ Windsor, bil-poplu Britanniku jirrifletti fuq il-ħajja tad-Duka ta’ Edinburgh li kien preżenti u anki strumentali f’numru ta’ avvenimenti li sawwru l-istorja tar-Renju Unit.