Sport Sport Ieħor

Ir-Regatta li kellha ssir f’Marzu b’tama li ssir bejn is-17 ta’ Mejju u s-7 ta’ Ġunju

(Ritratt: Martin Agius)

Ir-Regatta li kellha ssir fil-31 ta’ Marzu se tibqa’ fil-kalendarju tal-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif Ieħor iżda ġiet posposta biex issir bejn is-17 ta’ Mejju u s-7 ta’ Ġunju. Dan wara li lbieraħ saret laqgħa bejn il-klabbs fejn sussegwentament ittieħdet vot dwar il-futur immedjat ta’ dan l-isport.

Fl-aħħar jiem inqalgħet kontroversja bejn uħud mill-klabbs u qaddiefa dwar min seta’ jitħarreġ fil-baħar. Dan minħabba li b’risposta għal rikjesta tal-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif Ieħor, l-Awtoritajiet tas-Saħħa wieġbu li jistgħu biss jaqdfu sa massimu ta’ żewġ qaddiefa, skont il-miżuri preżenti marbuta mal-Covid-19.

Hekk kif hemm indikazzjoni li wara s-26 ta’ April jistgħu jiġu rrilaxxati xi miżuri, bit-tama li l-isport jiġi nkluż, l-Għaqda se terġa’ tlaqqa’ l-klabbs membri biex tiġi d-deċiża meta l-aħjar issir ir-Regatta. Dan dejjem jekk l-isport organizzat ikun jista’ jerġa’ jiġi pprattikat.

Intlaħaq qbil ukoll biex sas-26 ta’ April, ma jsirx taħriġ fuq il-baħar, bl-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif Ieħor tappella lill-qaddiefa biex jibqgħu jitħarrġu waħedhom b’osservanza tar-regoli maħruġa mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika.

Is-sena l-oħra kienet diġà diffiċli għal dawk kollha nvoluti fir-Regatta minħabba li dik ta’ Marzu kellha titħassar. Ir-Regatta ta’ Jum il-Vitorja f’Settembru kienet ġiet organizzata b’suċċess fejn anki kien sar Risk Assessment mill-Għaqda filwaqt li fil-ġurnata ġew segwiti numru ta’ miżuri biex titħares is-saħħa ta’ dawk involuti.

Tags