Internazzjonali

Ir-Russja kapaċi ‘tiddefendi’ lir-ribelli separatisti fl-Ukrajna

Uffiċjali f’Moska wissew li l-qawwiet tar-Russja kapaċi jintervjenu biex jappoġġjaw lir-ribelli li huma sostenituri tat-Tmexxija Russa u li qegħdin jokkupaw pożizzjonijiet fl-artijiet lejn il-lvant tal-Ukrajna.

L-uffiċjali qalu li ‘kollox jiddependi mill-iskala tal-kriżi’, meta t-tensjoni qed tinbena mill-ġdid fir-reġjun partikulari.

Ir-reġjun magħruf bħala Donbas ilu jservi bħala zona ta’ konfrontazzjoni mindu s-separatisti Ukreni li jappoġġjaw lir-Russja kienu ħatfu t-territorji hemmhekk fl-2014.

Sadanittant, fl-aħħar ġimgħat reġgħu żbruffaw il-konfronti armati – fuq skala iżgħar – bejn il-qawwiet tal-Ukrajna u r-ribelli separatisti. Dan meta ż-żewġ naħat qegħdin jakkużaw lil xulxin b’abbuż tal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied.

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky fl-aħħar sigħat żar ir-reġjun problematiku biex jara ‘il-lokalitajiet fejn il-vjolenza eskalat (f’dawn il-jiem)’. Hu tenna li l-Gvern tiegħu lest biex jagħti kull sostenn possibbli lis-suldati tal-Ukrajna ‘waqt dawn iz-zmenijiet diffiċli fid-Donbas’.

L-Unjoni Ewropea, sadanittant, qed issegwi l-iżviluppi b’ansjetà waqt li l-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, sejħet biex ir-Russja tnaqqas il-preżenza militari fiz-zoni tal-fruntiera komuni mal-Ukrajna.

Iżda l-uffiċjali f’Moska qegħdin iqabblu s-sitwazzjoni tas-separatisti fl-Ukrajna ‘mas-sitwazzjoni tas-snin disgħin fi Srebrenica’, il-belt fil-Bosnia-Herzegovina fejn mat-8,000 irġiel u subien Musulmani kienu nqatlu mill-qawwiet Serbi Bosnijaċi, fl-1995.

Intant, ir-Russja qed tgħid li s-separatisti fl-Ukrajna tal-Lvant, għalissa, ‘kapaċi jiddefendu ruħhom tajjeb kontra l-qawwiet Ukreni’ peress li jinkludu numru kbir ta’ veterani tal-gwerra.