B’attakk fuq il-ġurnaliżmu u b’talba għal investigazzjoni fuq sorsi, d-deputati tal-Gvern il-Ministru Edward Zammit Lewis u Glenn Beddingfield jagħżlu li ma jaqdux dmirhom quddiem il-Kumitat għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Minflok jassiguraw li tiġi rispettata l-governanza xierqa billi l-Kumitat għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika jippubblika r-rapporti li jkun ħejja l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, u jistiednu lill-istess Kummissarju għal diskussjoni dwar l-istess rapport, id-deputati Edward Zammit Lewis u Glenn Beddingfield jagħżlu li jfixklu l-proċess tal-Kumitat u jippruvaw iwaqqfu d-diskussjoni.
Wara li ghamlu minn kollox sabiex jaraw kif ifixxklu fiż-żamma tal-laqgħa tal-Kumitat minkejja li l-Ispeaker wera d-disponibbilta’ li jżomm din il-laqgha f’diversi ġranet, iż-żewġ deputati tal-Gvern jiddeċedu li jibbojkottjaw il-laqgħa tal-Kumitat bl-iskuża li l-ġurnalisti irnexxilhom jiżvelaw dak li jidher li d-deputati Laburisti kellhom ix-xewqa li jaħbu.
Dan l-aġir tad-deputati tal-Gvern huwa wieħed minn sensiela ta’ manuvri li issa ilhom jużaw sabiex iwaqqfu d-diskussjoni fuq ir-rapporti li jħejji l-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika. F’kull laqgħa li tiġi msejjħa sabiex jiġi diskuss jekk rapport imħejji mill-Kummissarju jiġix ippubblikat u liema għandhom ikunu l-konsegwenzi fuq id-deputat misjub li kiser l-etika, d-deputati tal-Gvern kontinwament jiddeċiedu u jaġixxu kontra l-poplu u favur il-ħabi u l-abbuż ta’ poter u finanzi pubbliċi.
Din l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista kienet iffirmata minn Therese Comodini Cachia, Kelliem tal-Oppożizzjoni għad-Drittijiet Umani u l-Governanza Tajba kif ukoll Beppe Fenech Adami, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u ċ-Ċittadinanza.
//= $special ?>