Coronavirus Sport

“L-isport organizzat mhux se jkun fost il-miżuri li se jiġu rilaxxati fis-26 ta’ April”- is-Supritendent tas-Saħħa

(Ritratt: MFA/ Joe Borg)

Waqt il-bulletin mediku ta’ kull il-ġimgħa, is-Supritendent tas-Saħħa Pubblika Profs. Charmaine Gauci qalet li l-isport organizzat mhux se jkun inluż fis-sett ta’ miżuri li se jkunu rilaxxati fis-26 ta’ April.

Nhar l-Erbgħa l-Prim Ministru Robert Abela waqt intervistà fi programm ta’ diskussjoni fuq ix-xandir nazzjonali rrefera għall-isport bħala ‘passatemp’, b’dan l-argument iqajjem rabja fost l-atleti u professjonisti li huma direttament involuti f’dan is-settur. Ħafna sostnew li l-isport huwa essenzjali anke għaliex bosta atleti professjonali se jkunu tilfu għadd ta’ xhur ta’ taħriġ, b’uħud minn dawn l-atleti se jkollhom jitilfu mpenji internazzjonali jekk dawn ma jirritornawx għat-taħriġ mill-aktar fis.

L-isport organnizat ġie sospiż fl-10 ta’ Marzu meta kienu tħabbru għadd ta’ miżuri restrittivi sabiex jikkontrollaw il-pandemija tal-coronavirus f’pajjiżna. Dan kien konfermat ukoll nhar l-Erbgħa meta l-Gvern ħabbar rilaxx ta’ numru ta’ miżuri iżda l-isport baqa’ projbit.

Dan ma ntlaqax tajjeb minn numru ta’ sportivi u assoċjazzjonijiet hekk kif argumentaw li l-isport professjonali għandu jitħalla jitkompla għaliex se jkollu mpatt negattiv kemm fuq is-saħħa fiżika tal-atleti kif ukoll b’mod finanzjarju.

Charmaine Gauci qalet li skond ir-risk assessment tal-awtorità tas-saħħa, juri li jekk l-isport jinfetaħ fis-26 ta’ April jkun aktar ta’ riskju milli kieku jinfetħu l-ħwienet u s-servizzi essenzjali. Is-Supritendent tas-Saħħa Pubblika qalet li filwaqt li bħala Dipartiment tas-Saħħa dejjem ippromovew l-importanza tal-isport, fis-sitwazzjoni preżenti, sport organizzat u ta’ kuntatt huwa klassifikat bħala riskju għoli.