Internazzjonali

L-Istati Uniti impenjata biex tikkontrolla l-influwenza globali taċ-Ċina

Il-Kumitat għar-Relazzjonijiet Barranin tas-Senat Amerikan ipprogramma laqgħa għall-14 ta’ April bil-għan li jikkunsidra leġislazzjoni li għandha tistimola l-kapaċità tal-Istati Uniti għal passi deċiżivi kontra l-influwenza taċ-Ċina ‘li qed tiżdied minn sena għall-oħra’.

L-abbozz ta’ din il-miżura — bl-isem Strategic Competition Act of 2021 –jipprovdi mandat għal inizjattivi diplomatiċi u strateġiċi biex ‘jikkontrollaw lil Beijing’. Fl-istess ħin, dan l-abbozz jirrifletti ‘is-sentimenti iebsa’ mill-membri Demokratiċi u Repubblikani tal-Kungress Amerikan rigward il-kuntatti u n-negozjati maċ-Ċina.

Sadanittant, l-abbozz  — minbarra li hu intiż biex jindirizza l-kunċett ta’ kompetizzjoni ekonomika maċ-Ċina – jaħseb ukoll fil-valuri umanitarji u demokratiċi. Dan meta jista’ jippermetti s-sanzjonijiet kontra ċ-Ċina għall-mod brutali kif dan il-pajjiż komunista qed jitratta lill-minoranza tal-Musulmani Uighur fi ħdanu.

Mistenni wkoll li l-abbozz – ladarba jgħaddi – iservi biex jappoġġja d-demokrazija f’Hong Kong li tilef ħafna mill-awtonomija li kellu taħt l-aħħar digrieti dwar is-sigurtà li għadda l-Gvern ta’ Beijing.

L-Istati Uniti, intant, anki qed tirrealizza l-ħtieġa għall-priorità lill-investimenti militari neċessarja biex il-pajjiż jattwa l-objettivi politiċi tiegħu fir-reġjun Indo-Paċifiku.