Coronavirus Sport

“Ma nistgħax nifhem kif l-isport m’huwiex prijorità”- Nicky Lanzon, għalliem tal-edukazzjoni fiżika u atleta

L-eks captain tat-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo u player ta’ Valletta United, Nicky Lanzon qal li filwaqt li jifhem li r-restrizzjonijiet għandhom ikunu rilaxxati b’mod gradwali, ma jistgħax jifhem kif l-isport m’huwiex ikkonsidrat bħala prijorità. Nhar l-Erbħga l-Prim Ministru Robert Abela f’intervista fuq programm ta’ diskussjoni qal li l-isport hu passatemp. Din il-botta tal-Prim Ministru qajjmet għadab mill-isportivi u dawk kollha nvoluti f’dan is-settur.

Lanzon li fil-passat rebaħ darbtejn il-Player tas-Sena tal-ASA qal li l-awtoritajiet iridu jifhmu li l-assoċjazzjonijiet, il-klabbs u l-atleti jinvestu ħafna ħin, enerġija u flus fit-taħriġ tagħhom. Hu rrimarka kif dawn l-isofrzi u sagrifiċċji kollha ma huma se jiswew xejn jekk l-isport elite mhux se jitħalla jitkompla.

Nick Lanzon li huwa wkoll għalliem tal-edukazzjoni fiżika qal li t-tfal u ż-żagħżagħ huma l-aktar li jkunu affettwati kemm fiżikament kif ukoll metalment meta jkunu mċaħħda mill-isport u mill-attività fiżika.