Basketball Coronavirus Lokali Sport

“Meta tgħid l-isport kollu hu passatemp, qisek qed tgħid li l-Mona Lisa hi pittura bħall-oħrajn,” – Bernard Vassallo, eks Chairman ta’ Sport Malta

Il-komunitá sportiva f’Malta għadha mhux tifhem u taċċettha l-aġir insensittiv u mhux apprezzat tal-Gvern lejn l-impenn u d-dedikazzjoni tal-atleti u l-uffiċjali sportivi. Mhux biss għaliex Malta hu l-uniku pajjiż fl-Ewropa fejn l-elite sports mhux qed jitħalla jibqa’ għaddej, anke jekk bil-ħarsien ta’ protokoll mediku, iżda għaliex il-Prim Ministru Robert Abela jemmen li l-isport f’Malta hu passatemp.

“Għadni immensament sorpriż bid-deċizjoni meħuda, li npoġġu l-isport kollu f’Malta, irrelevanti mit-tip ta’ livell, f’keffa waħda.”

L-eks Chairman tal-Kunsill Malti għall-Isport, dak li llum jissejjaħ Sport Malta, Bernard Vassallo, f’kumment fuq il-midja soċjali qal li bħal kull persuna oħra li tassew tifhem xi jfisser ‘elite sport’, “għadni immensament sorpriż bid-deċizjoni meħuda, dik li npoġġu l-isport kollu f’Malta, irrelevanti mit-tip ta’ livell, f’keffa waħda.”

Vassallo, li hu ukoll referee internazzjonali tal-basketball kif ukoll Direttur tal-Malta Basketball Association, esprima ukoll id-diżappunt tiegħu għal min din il-ġimgħa tkellem, u qal li l-isport, allura anke l-elite sport, hu sempliċiment passatemp. “Min jgħid li l-isport kollu hu passatemp, qisu qed jgħid li l-pittura tal-Mona Lisa hija l-istess bħal kwalunkwé pittura oħra fuq kanvas, jew li l-Kostitutzzjoni ta’ pajjiżna, hu mazz karti bħal kwalunkwé mazz ieħor bil-linka fuqu,” ikkumenta Vassallo.

Dawk li jgħixu l-isport b’tant professjonalitá, passjoni u impenn, huma urtati b’dak li qal Robert Abela

Il-kritika ħarxa lejn il-Gvern, u li ġejja minn kull min hu involut fl-isport f’pajjiżna, m’hijix intenzjonata biex tkun politikament partiġjana, anke għaliex l-isport m’għandux ikollu kuluri politiċi. Madankollu x-xenarju li nħoloq illum mill-Gvern tal-Prim Ministru Robert Abela, bir-raġun qed jifrustra lil dawk kollha li b’xi mod imissu mal-isport f’Malta. L-akbar frustrazzjoni hija ta’ dawk li jħarsu lejn l-isport bħala stil ta’ ħajja, u jgħixu l-isport b’tant impenn, professjonalitá u dedikazzjoni. Aktar minn hekk, f’Malta għadna ukoll mijiet jekk mhux eluf ta’ persuni li huma atleti, u għandhom kuntratt li permezz tiegħu mid-dixxiplina sportiva rispettiva tagħhom, jaqilgħu l-għejxien ta’ kuljum. Dan biex ma nsemmux persuni bi professjoni, u allura mhux neċċessarjament atleti, li jaħdmu direttament fl-isport. Hu għalhekk li dawn kollha ħassewhom offiżi meta l-Prim Ministru rrefera għall-isport bħala passatemp; kumment nieqes mill-apprezzament u r-rispett lejn dawk li jieħdu l-isport b’tant serjeta.

“Ebda kritika f’dan ir-rigward m’għandha tittieħed f’sens politiku, anke għaliex ħadd, u minn kwalunkwé naħa (b’referenza lejn iż-żewġ Partiti politiċi) m’huma infallibbli jew ma jiżbaljwax. Il-kritika tiegħi qed issir minn perspettiva sportiva, fejn l-isport għandu dejjem jiġi indirizzat bħala stil ta’ ħajja, mhux sempliċiment bil-kliem, jew biex nidhru sbieħ waqt xi diskors, iżda b’azzjonijiet konkreti,” kompla jgħid l-eks Chairman tal-Kunsill Malti għall-iSport, illum Sport Malta, bejn l-2008 u l-2013.

Il-Lussemburgu hu pajjiż simili għal Malta, iżda b’miżuri ta’ restrizzjonijiet fl-isport differenti minn tagħna

Fl-istess kumment tiegħu fuq il-profil tiegħu fuq Facebook, Vassallo għażel li jipparaguna lil Malta mall-Lussemburgu, għaliex dawn iż-żewġ pajjiżi huma simili ħafna għal xulxin. Vassallo spjega li l-Gvern u l-awtoritajiet fil-Lussemburgu, “għaliex teżisti kultura favur l-isport, u anke għaliex l-aħjar nies, b’moħħ u mentalitá sportiva, ġew inklużi fit-tfassil tar-restrizzjonijiet, l-isport f’dan il-pajjiż kien maqsum f’diversi kategoriji u b’miżuri ta’ restrizzjonijiet li jvarjaw minn xulxin,” qal Vassallo.

Għalkemm bħala daqs, il-Lussemburgu hu kważi tmien darbiet akbar minn Malta, dan il-pajjiż jitqis xorta waħda fost l-iżgħar fl-Ewropa. Fil-fatt jekk Malta hu l-ħames l-iżgħar pajjiż fl-Ewropa, il-Lussemburgu jikklassifika fis-seba’ post f’din il-lista. Sal-lum, in-numru ta’ każijiet ta’ COVID-19 li kienu reġistrati fil-Lussemburgu, jissuperaw bi ftit l-ammont ta’ 63,000; ferm aktar meta mqabbel ma’ Malta, li sal-lum l-ammont hu bi ftit mijiet taħt it-30,000 każ. Minkejja dan, fejn jidħlu miżuri ta’ restrizzjoni kontra t-tixrid tal-virus, il-Lussemburgu fehem li dawk l-atleti li huma meqjusa elite, flimkien ma’ dawk ta’ madwarhom, għandhom ikunu suġġett għal miżuri differenti minn dawk tal-kumplament tal-poplu, kemm fejn jidħol taħriġ kif ukoll kompetizzjonijiet sportivi. Il-Gvern f’dan il-pajjiż fehem ma jemminx li l-isport hu passatemp, iżda jħares lejn l-isport bħala settur importanti u fost il-prijoritajiet. Għalhekk m’għamilx bħall-Gvern ta’ Robert Abela u tefa’ l-isport kollu, f’keffa waħda u għażel li jkun flessibli, loġiku u prattiku, speċjalment fejn jidħol l-elite sport.

B’referenza għal dan, Vassallo jistaqsi, “nistgħu nitgħalmu minn dak li qed jagħmel da nil-pajjiż? Fl-opinjoni tiegħi, il-miżuri fl-isport f’dan il-pajjiż huma ta’ prattika tajba. Hu daqshekk diffiċli li nirrikonoxxu li nkunu għamilna żball? Ikkoreġu dak li għamiltu, u jekk nagħmlu dan, inkunu inkunu qed noħorġu aktar b’saħħitna minn qatt qabel,”