Għawdex Lokali Turiżmu

L-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu Għawdxija tilmenta li l-Gvern ħalla barra l-qasam tas-self catering

75% tal-akkomodazzjoni turisitika f’Għawdex hija self-catering u dawn intesew għal kollox fl-iskema tal-Gvern għat-turisti biex iħajjarhom iżuru lil pajjiżna.

L-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu qalet li l-iskema li ħareġ biha l-Gvern permezz tal-Ministru Clayton Bartolo tkopri biss lill-lukandi, meta f’Għawdex il-maġġoranza assoluta ta’ akkomodazzjoni turistika hija self catering. Il-Ministru tat-Turiżmu għamel il-preżentazzjoni tiegħu il-Ġimgħa wara nofsinhar.

F’isem is-sidien ta’ dawn il-propjetajiet, il-GTA qed tappella lill-Gvern sabiex jestendi l-iskema biex ikopri lil dawn il-farmhouses, vilel, appartamenti u aktar.

Filwaqt li tisħaq li tibqa’ disposta tiddiskuti mal-Gvern, l-Assoċjazzjoni qalet li bl-estensjoni tal-iskema, it-turist ikollu għażla xierqa ta’ akkomodazzjoni ta’ kwalità.

Il-Ministru Clayton Bartolo ħareġ b’din l-iskema b’reazzjoni għall-istqarrija li għamel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt il-programm L-Erbgħa Fost il-Ġimgħa fejn ħabbar li l-Partit Nazzjonalista lesta l-pjan tiegħu għall-qasam turistiku għall-għaxar snin li ġejjin.