Lokali

Il-membri tal-Kabinett kompliċi jekk iċedu għall-arroganza ta’ Ian Borg

Jekk il-membri tal-Kabinett ikomplu jċedu għall-arroganza ta’ Ministru bħal Ian Borg, se jkunu kompliċi. Min-naħa l-oħra, l-aġenzija tal-Gvern Infrastructure Malta tidħaqlek illum, imma għada ssibha tinvadilek artek.

Hekk iddikjaraw l-attivisti tal-organizzazzjoni non-governattiva Graffitti fi tmiem dik li sejħu bħala l-ewwel fażi tal-azzjonijiet tagħhom f’Ħad-Dingli kontra xogħol li l-Gvern qed jagħmel fuq triq skedata.

Andre Callus spjega li kien grazzi għall-azzjoni tagħhom – bl-attivisti jorqdu għal tliet ġimgħat fuq medda art f’zona barra mill-iżvilupp biex iwaqqfu lil Infrastructure Malta milli jkompli bix-xogħol – li l-Gvern emenda xi ftit il-pjanti u ppubblikahom.

Andre Callus spjega li bil-ħsieb tal-Gvern, kienu se jitqaċċtu siġar tal-ħarrub li għandhom aktar minn 300 sena, kif ukoll tinqered għalkollox Kappella Medjevali.

Ma’ NET News, hu spjega li l-grupp se jkompli jsegwi mill-qrib dak li jkun qed jiġri f’Ħad-Dingli u jekk il-Ministru jew Infrastructure Malta – immexxija minn Frederick Azzopardi – ma żżommx kelmtha, ikomplu bl-azzjonijiet tagħhom.

Matul konferenza tal-aħbarijiet, l-attivist Wayne Flask spjega li grazzi għal din l-azzjoni, ġiet frankata qerda akbar minn dik li kienet diġà saret. Filwaqt li tenna li l-organizzazzjoni se tkompli tinsisti li ssir ġustizzja, hu faħħar l-impenn tar-residenti u tas-sidien tal-għelieqi tal-madwar, li qed jappoġġjaw il-kawża.

Min-naħa tiegħu, Gerald Lapira – sid ta’ raba’ li wiret mill-familja – qal li l-medda ta’ art se tkun qed tittieħed b’forza, tant li s’issa għadu ma rċeviex offerta ta’ esproprjazzjoni.

Qal li l-Gvern seta’ għamel dan il-proġett b’mod ħafna aktar differenti u b’anqas ħsara. Tenna li l-Ambjent mhux ta’ xi partit jew ieħor, iżda ta’ kull wieħed u waħda minna.

Hu fisser ukoll l-uġigħ tiegħu li se tingħadda triq minn raba’ bħal din … mhux b’mod illegali, iżda bil-forza.

U Marica Axiaq, f’isem ir-residenti, appellat lill-Ministru Ian Borg biex jirrikonoxxi li għadu fiċ-ċans li jevita sfreġju akbar. Dan filwaqt li fakkret li s-siġar huma wirt isbaħ mill-asfalt u l-konkos.

Hi tenniet li bħala residenti ma jistgħux jifhmu l-iskop ta’ dan il-proġett.

Kemm Lapira kif ukoll Axiaq irringrazzjaw lill-għaqda Graffitti talli qed isemmgħu leħen ir-residenti u s-sidien tar-raba’ mingħajr l-ebda interess personali.

Fl-aħħar jiem, id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar ippreżenta għadd ta’ każi – fosthom dan f’Ħad-Dingli – lill-Ombudsman biex ikunu investigati minnu għall-ħsara ambjentali li saret fiz-zoni rispettivi waqt li aġenziji tal-Gvern kienu qed jagħmlu xogħlijiet, li fil-maġġoranza tagħhom kienu mingħajr permess.