Lokali

Il-protesta tal-għaqdiet volontarji fil-konfront tal-Gvern Laburista tkompli żżid – PN

Il-Partit Nazzjonalista juri s-solidarjeta’ tiegħu mad-79 għaqda volontarja u d-90 għaqda tal-banda li b’mod uffiċjali, issa qed jipprotestaw mal-Gvern Laburista biex minnufih jidħol f’konsultazzjoni magħhom u jibdel ir-ruxmata regolamenti li impona fuqhom rigward ġbir tal-flus mill-pubbliku u rigward ħwienet, li mill-bejgħ tagħhom jiġbru flus għall-karita’.

Fi stqarrija l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Għaqdiet Volontarji Kevin Cutajar saħaq li dawn l-għaqdiet jingħaqdu ma’ ħafna oħrajn li fil-ġimgħat li għaddew tkellmu dwar il-frustrazzjoni tagħhom li qed tikkawżalhom id-diffikulta’ biex jimxu mar-regolamenti.

“S’issa, quddiem dan kollu l-Gvern baqa’ ċass għax milli jidher l-ewwel għaxxaqha meta daħħal ir-regolamenti bla konsultazzjoni u issa ma jafx x’se jagħmel.”

Huwa saħaq li bil-piżijiet żejda tar-regolamenti, l-Gvern mhu qed jagħmel xejn ħlief ikompli jżid mal-problemi li l-għaqdiet qed jaffaċjaw minħabba l-pandemija għax qed ikompli jnaffar lill-volontiera li bħalma nafu huma s-sinsla tal-għaqdiet.

Kevin Cutajar sostna li rridu niftakru li għaqdiet mdgħajfin ifissru biss riskju kbir li Malta titlef attivitajiet marbuta mal-festi, mużika, sport, ambjent, servizzi lil nies vulnerabbli u ħafna oħrajn.

Il-Partit Nazzjonalista jrid jgħin biex tinstab soluzzjoni u qed jistieden lill-għaqdiet volontarji kollha biex javviċinawh ħalli magħhom issir dik il-konsultazzjoni li l-Gvern Laburista qed jonqos milli jagħmel.

B’hekk il-Partit Nazzjonalista jrid jkompli jimla l-vojt li qed iħalli l-Gvern u anke għall-għaqdiet volontarji, jara li tibda paġna ġdida billi jsir it-tibdil mitlub u l-istess għaqdiet jissaħħu.