Lokali

Iqassmu ikel b’xejn għal dawk fil-bżonn

Koppja li wettqu l-ħolma tagħhom li jiftħu ħanut tal-ikel iddeċiedew li l-isforzi tagħhom fi tmiem il-ġurnata ma jispiċċawx fix-xejn, tant li l-ikel żejjed li jibqalhom jagħtuh lil persuni fil-bżonn.

Fil-fatt, hekk kif jagħlqu l-ħanut, l-ikel li ma jkunx inbiegħ ipoġġuh f’baskett tal-karti biswit il-ħanut, akkumpanjat b’nota għal min m’għandux x’jiekol biex jieħu minn hemm… għalih u għal familtu.

NET News iltaqa’ ma’ Yanis Falzon, li flimkien ma’ martu Jovana spjega kif meta kienu jaħdmu f’għadd ta’ lukandi, kien jinnotaw l-ammont kbir ta’ ikel li kien jintrema fi tmiem il-ġurnata. Kien għalhekk li xtaqu li ma jħallux dan jiġri, ladarba jkollhom il-ħanut tagħhom.

Yanis qalilna wkoll kif bdiet din il-ħolma li jkollhom il-ħanut tagħhom.

Il-ħanut ilu miftuħ biss ftit iktar minn ġimgħa, iżda xejn u ħadd ma waqqafhom milli mill-ewwel jum jibdew iqassmu l-ikel żejjed b’xejn għal dawk fil-bżonn… kemm ikel kif ukoll ħelu.

Ritratti: Martin Agius
Filmat: Joe Francalanza
Muntaġġ: Elisa Battistino