Lokali

Ir-regolamenti mħabbra mhux se jkunu ta’ għajnuna imma ta’ xkiel – Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda

L-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda li tirrapreżenta 90 Għaqda Volontarja tinsisti li hi u l-membri tagħha jaħdmu favur il-ġid tal-kommunitajiet lokali.

Il-membri tagħha ma jiġbrux fondi sabiex jiffinanzjaw proġetti barra minn xtutna, għal kuntrarju kull inizjattiva tkun iffukata fuq proġetti lokali marbutin mal-patrimonju tal-Festa Maltija w l-Arti Mużikali.

Għaldaqstant ir-riskju ta’ ħasil ta’ flus u finanzjament ta’ terrorizmu huwa wieħed minimu ħafna.

Fi stqarrija l-Għaqda tħoss li dawn ir-regolamenti mhux ser ikunu ta’ għajnuna għal ħidma kbira li jsir mis-Soċjetajiet tal-Banda u ser ikunu ta’ xkiel fir-rigward tax-xogħol li qed isir fuq bażi lokali min dawn l-istess Soċjetajiet.

Għalkemm l-Għaqda dejjem qablet fuq il-prinċipju tat-trasparenza u l-kontabilita fit-tmexxija tas-Soċjetajiet membri tagħha, tara li dawn ir-regolamenti ser joħonqu l-ħidma volontarju u siewja li jagħmlu dawn l-istess Soċjetajiet u ser ikun ifisser telf kbir għal identità tas-Soċjetà
Maltija.

L-Għaqda tħoss li l-emendi estensivi li kienu saru fl-2018 fuq il-Liġi tal-Volontarjat diġa tassigura lis-Soċjetajiet tal-Banda tagħna joperaw bl-aktar mod trasparenti u b’governanza tajba.

Għaldaqstant tħoss li dawn ir-regolamenti ma għandhomx japplikaw għalija u għall-membri tagħha li wara kollox il-ħidma tagħna hija purament ta’ natura lokali u volontarja.

Jekk dan mhux possibli minħabba xi obbligazzjoni internazzjonali l-Awtoritajiet konċernati dejjem għandhom jixprunaw ix-xogħol u l-kontrolli tagħhom abbażi ta’ riskju.

L-Għaqda tħeġġeġ lil-Awtroitajiet konċernati sabiex jisimgħu l-karba tal-Għaqdiet Mużikali kollha mseħbin fl-Għaqda Nazzjonali Kazini tal-Banda u jieħdu l-passi meħtieġa sabiex ma jħallux din il-liġi toħnoq l-ħidma volontarja li ssir matul is-sena kollha min eluf ta’ persuni madwar Malta w Għawdex kollha.