Lokali

“Ir-ristoranti ma jifilħux iżjed – il-wage supplement mhux biżżejjed biex issostni negozju” – ACE

"Hawn ħafna nies li qed ibatu" - Reuben Buttigieg, President ACE

Is-sidien tar-ristoranti u tal-barijiet għadhom fil-limbu, wara li aktar kmieni din il-ġimgħa tħabbar ir-rilaxx ta’ wħud mill-miżuri ta’ restrizzjoni fil-battalja mal-pandemija, fosthom il-ftuħ tal-iskejjel primarji u sekondarji mill-ġimgħa d-dieħla, kif ukoll il-ftuħ ta’ ħwienet meqjusin mhux essenzjali fis-26 ta’ April.

Madankollu, matul il-konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru Chris Fearne – akkumpanjat mis-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci – ingħad li qabel ma’ jiftħu l-barijiet u r-ristoranti, wieħed għad irid jara s-sitwazzjoni kif tkun.

L-isfidi kbar li qed jiffaċċjaw is-sidien tan-negozji kienu spjegati wkoll mill-President tal-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE) Reuben Buttigieg waqt il-programm NET Live, fejn sostna li kulmin hu f’dan il-qasam ħass li kellhom jiftħu fis-26 ta’ April biex sal-1 ta’ Ġunju – meta mistenija nerġgħu nilqgħu t-turisti –  ikunu laħqu rrankaw.

Buttigieg insista li l-Gvern ma jistax jgħid lis-sidien li minn għada se jiftħu għax irid iżomm f’rasu li l-kċina trid timtela’ u li l-ħaddiema jridu jissuplixxu l-merċa lil kuħadd.

Hu nsista li s-sidien ma jifilħux għal iżjed inċertezza u li l-wage supplement mhux biżżejjed biex issalva negozju milli jagħlaq.

Il-President tal-ACE stqarr li jekk ir-risotranti u l-barijiet se jibqgħu miżmuma magħluqa, l-għajnuna trid tkun ferm akbar milli hi bħalissa.

Min-naħa tagħha, l-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu (GTA) qalet li tliet kwarti tal-akkomodazzjonijiet f’Għawdex huma self-catering. Għaldaqstant dawn kollha intesew għalkollox mill-Gvern fl-iskema għat-turisti li għandha tħajjarhom iżuru lil pajjiżna. F’isem is-sidien ta’ dawn il-propjetajiet, il-GTA qed tappella lill-Gvern biex jestendi l-iskema mħabbra l-Ġimgħa ħalli tkopri lil dawn il-farmhouses, vilel, appartamenti u oħrajn.