Lokali

L-aħwa Degiorgio jistaqsu jekk l-Istat verament iridx li toħroġ il-verità kollha

 X’qiegħed iżomm lill-awtoritajiet u lill-istituzzjonijiet milli jgħarfu formalment li rċever it-talbiet għall-Maħfra Presidenzjali tal-aħwa George u Alfred Degiorgio?

Din hija d-domanda li għamel l-Avukat William Cuschieri għan-nom tal-aħwa Degiorgio akkużati bl-eżekuzzjoni tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia hekk kif fi stqarrija huwa saħaq li minkejja li huma saħqu li lesti jagħtu informazzjoni kollha li għandhom b’rabta mal-akkużi miġjuba kontrihom u delitti oħra li seħħew fil-passat u li għandhom informazzjoni diretta…u mhux għajdut, sal-lum, ġimgħat wara, għadhom ma semgħu xejn dwar it-talbiet tagħhom.

Fl-istqarrija intqal li l-aħwa lesti jgħidu l-verità kollha iżda staqsew x’qiegħed iżomm lill-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet milli jqisu t-talbiet tagħhom bi speditezza filwaqt li staqsew għal liema raġuni l-proklama ta’ Melvin Theuma ngħatat fi żmien qasir u tagħhom s’issa għadhom ma semgħu xejn.

B’referenza ċara għall-Maħfra Presidenzjali li ngħatat li Vince Muscat, l-aħwa Degiorgio jistaqsu għalfejn l-Istat jippreferi jikkunsidra li jagħti Proklama lil xi ħadd li għandu informazzjoni li ġab minn terzi minflok lil persuni li għandhom informazzjoni diretta

Dan filwaqt li saħqu jekk jistax ikun il-każ illi l-awtoritajiet, l-istituzzjonijiet u  l-Istat ma jridux illi jikkunsidraw it-talbiet tagħhom bil-mod kontemplat mil-liġi peress illi huma saħqu li l-informazzjoni illi għandhom għandha twassal fil-każ ta’ l-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia, fost oħrajn, għal mandant illi kien Ministru tal-Gvern u għalhekk jeżisti kunflitt ta’ interess serju f’min skond il-liġi għandu jagħti r-rakkomandazzjoni tiegħu dwar it-talbiet magħmula minnhom. Kif ukoll li għandhom informazzjoni li allegatament torbot Ministru preżenti fil-Kabinett ta’ Robert Abela f’każ kriminali serju ieħor.

Għaldaqstant saħqu jekk verament il-Gvern ta’ Robert Abela jridx isir jaf il-verità kollha filwaqt li insistew f’liema stat demokratiku ikun hemm dawn it-tip ta’ talbiet fuq tali informazzjoni u jiġu kompletament injorati u mhux imwieġba.