Futbol Sport

Leeds United jegħlbu lil Man City f’darhom minkejja l-iżvantaġġ numeriku

(Ritratt: EPA)

Stuart Dallas kien l-eroj indiskutibbli fir-rebħa sorpriża ta’ Leeds United, 2-1, fuq Manchester City fl-Etihad Stadium – bit-tieni gowl, skurjat sekondi qabel it-tmiem, jasal minkejja li t-tim minn Yorkshire kien ilu jilgħab taqsima sħiħa b’għaxra. Kien tliet minuti qabel il-mistrieħ meta DALLAS sab ix-xibka għall-ewwel gowl ta’ Leeds b’xutt fil-baxx li għeleb għal kollox lil Ederson, bil-ballun jaħbat mal-lasta qabel spiċċa ġewwa. Iżda fis-46 minuta il-ħajja ġiet ikkumplikata għal Leeds bit-tkeċċija tal-captain tagħhom, Liam Cooper, għal tackle ikrah fuq Gabriel Jesus, u bil-manager Marcelo Bielsa ikun kostrett li jaddotta pjan tattiku differenti għall-Yorkshiremen.

Man City, bħalma mistenni, iddominaw it-tieni perjodu iżda kellhom jistennew sas-76 minuta għall-gowl tad-dro, meta Ferran TORRES sab ix-xibka għall-ewwel darba ( fil-Premier League) minn Diċembru.
Iżda waqt li kulħadd kien qed jistenna t-tieni gowl ‘inevitabbli’ għas-Citizens, waslet id-doċċa kiesħa għat-tim ta’ Pep Guardiola, b’Dallas (91) jirċievi through ball mingħand Alioski qabel għeleb lil Ederson għat-tieni darba u għall-gowl deċiżiv ta’ konfront interessanti.
Din kienet l-aktar rebħa impressjonanti għal Leeds kemm ilhom li ġew promossi għall-ogħla diviżjoni u għaldaqstant, Manchester United, li jinsabu t-tieni wara l-ġirien ta’ Manchester, kapaċi jaqtgħu l-vantaġġ tas-Citizens għal tmien punti jekk huma jirbħu l-logħbiet li jmiss kontra Tottenham Hotspur u Burnley. Mill-banda l-oħra City jonqoshom biss 11-il punt mis-sitt logħbiet li fadlilhom biex iserrħu rashom mir-rebħ tat-tielet Premier League fl-aħħar erba’ staġuni.

Liverpool kisbu l-ewwel rebħa ‘home’ (2-1) mill-bidu tal-2021, bis-suċċess jasal għall-ispejjeż ta’ Aston Villa. B’hekk, ir-Reds – wara staġun mill-aktar deludenti u sensiela ta’ sitt telfiet konsekuttivi f’Anfield Road — qalbu ‘telfa oħra’ f’rebħa wara li Ollie WATKINS kien poġġa lill-Villains fil-vantaġġ fit-43 minuta.
Fit-tieni taqsima, Liverpool – li qabel, kellhom gowl ta’ Firmino imħassar għal offside – kisbu parità minn Mo SALAH (57) wara li l-gowlikiper ta’ Villa, Martinez, kien salva parzjalment il-cross insidjuż ta’ Andy Robertson. Il-Villains, wara, marru viċin gowl ieħor minn Trezeguet li ra t-tentattiv tiegħu jistampa mal-lasta iżda l-aħħar kelma kellha tkun ta’ Trent ALEXANDER-ARNOLD (91), li venven xutt għar-rokna tax-xibka minn barra l-kaxxa wara li d-difensuri ta’ Villa naqsu milli jbiegħdu il-periklu.

Chelsea kisbu rebħa komda, 4-1, ma’ Crystal Palace f’Selhurst Park biex qabżu fir-raba’ post tal-Premier League, b’vantaġġ ta’żewġ punti fuq Liverpool u West Ham United. Dan id-derby ta’ Londra kien prattikament magħluq fl-ewwel nofs-siegħa, b’gowls ta’ Kai HAVERTZ (8), Christian PULISIC (10) u Wilfred ZOUMA (30) jissiġillaw vantaġġ insuperabbli għat-tim ta’ Thomas Tuchel. Palace kellhom jistennew sat-63 minuta biex inaqqsu d-distakk meta Christian BENTEKE skorja b’header sabiħ fuq l-assist ta’ Jeffrey Schlupp. Dan kien is-sinjal biex Chelsea joħorġu jfittxu gowl ieħor – li wasal minn Pulisic (77) għal doppjetta personali u skor finali ta’ 4-1.

PREMIER LEAGUE
Ilbieraħ: Fulham v Wolves 0-1 Illum: Man City v Leeds 1-2, Liverpool v Aston Villa 2-1, C. Palace v Chelsea 1-4 Għada: Burnley v Newcastle 1.00pm, West Ham v Leicester 3.05pm, Tottenham v Man Utd 5.30pm, Sheff Utd v Arsenal 9.00pm It-Tnejn: WBA v Southampton 7.00pm, Brighton v Everton 9.15pm