Futbol Sport

Rebħa importanti għal Milan

(Ritratt: EPA)

Milan kisbu rebħa importanti barra minn darhom ta’ 3-1 fuq Parma biex b’hekk saħħew posthom fit-tieni post tal-klassifika u resqu eqreb li jikkonfermaw posthom fil-UEFA Champions League fl-istaġun li ġej. Milan kellhom bidu mill-aqwa u wara tmien minuti fetħu l-iskor meta minn pass ta’ Zlatan Ibrahimovic, kien ANTE REBIC li għamilhom 1-0. It-tim ta’ Stefano Pioli rdoppja minuta qabel il-mistrieħ b’gowl mill-isbaħ tal-midfielder FRANCK KESSIE. Mas-siegħa logħob, Milan sfaw jilgħabu bi player anqas meta tkeċċa Zlatan Ibrahimovic. Parma approfittaw u sitt minuti wara naqqsu l-iskor permezz ta’ RICCARDO GALIOILO. Minkejja li bi player anqas, Milan xorta waħda rnexxielhom jiskorjaw għal darb’oħra meta minn pass tajjeb ta’ Diogo Dalot, kien RAFAEL LEAO li għamel l-iskor 3-1.

Żewġ gowls fl-aħħar minuti tal-partita dawwru r-riżultat favur Spezia f’rebħa li kisbu ta’ 3-2 fuq Crotone. Kienu Crotone li fetħu l-iskor fl-40 minuta meta minn pass ta’ Vladimir Golemic, kien KOFFI DJIDJI li qabbeż minn fuq il-gowlkiper għal 1-0. Fit-tieni taqsima, Spezia ġabu l-iskor indaqs fit-63 minuta permezz ta’ DANIELE VERDE. Fit-78 minuta, Crotone reġgħu marru fil-vantaġġ permezz ta’ SIMY. Ir-rimonta ta’ Spezia bdiet fid-89 minuta meta minn pass ta’ Martin Erlic, kien GIULIO MAGGIORE li għamilhom 1-1. Spezia skorja dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa fit-92 minuta meta wara li d-daqqa ta’ ras ta’ Ardian Ismajili ħabtet mal-mimduda, MARTIN ERLIC kien l-ewwel fuq il-ballun u xeħet ġewwa mill-viċin.

Torino kisbu rebħa importanti fit-tamiet tagħhom li jsalvaw posthom fis-Serie A meta fi Stadio Friuli għelbu lil Udinese 1-0. Il-gowl deċiżiv kien skorjat minn ANDREA BELOTTI permezz ta’ penalty.

SERIE A
Illum: Spezia v Crotone 3-2, Parma v Milan 1-3, Udinese v Torino 0-1 Għada: Inter v Cagliari 12.30pm, Verona v Lazio 3.00pm, Juventus v Genoa 3.00pm, Sampdoria v Napoli 3.00pm, Roma v Bologna 6.00pm, Fiorentina v Atalanta 8.45pm It-Tnejn: Benevento v Sassuolo 8.45pm