Coronavirus Lokali Saħħa

Tiddaħħal sistema ta’ reġistrazzjoni biex tirċievi l-vaċċin tal-Covid

Il-Gvern qed jgħid li sal-aħħar ta’ Ġunju jkun intlaħaq herd immunity f’pajjiżna. Dan qalu l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne f’konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu, fejn insista li xorta rridu nibqgħu attenti għall-varjanti tal-virus.

Chris Fearne ammetta li fl-aħħar jiem saru numru ta’ żbalji fl-appuntamenti li ingħataw għall-vaċċin tal-Covid.

Mil-lum, se tinfetaħ sistema ta’ reġistrazzjoni għal dawk kollha ‘l fuq minn 50 sena. Li jfisser li issa persuna jrid jirreġistra biex jieħu l-vaċċin, u mhux se jibqgħu jingħataw appuntamenti.

Ir-reġistrazzjoni tista’ ssir online jew permezz ta’ SMS.

Wieħed, intant, jista’ jirreġistra għall-vaċċin mat-tobba tal-familja – xi ħaġa li ilu xhur sħaħ li propona l-PN permezz tal-Covid Action Team. Dan ukoll jgħodd għall-persuni ta’ ‘l fuq minn 50 sena.

Fil-konferenza, Chris Fearne ikkonferma li t-tilqima ta’ Johnson & Johnson għadha ma waslitx f’pajjiżna.

Sadatant, il-pjan li tħabbar illum jindika li sat-tielet ġimgħa ta’ Mejju iridu jkunu tlaqqmu l-persuni kollha ta’ l-fuq minn 50 sena. Tħabbar ukoll li l-mira hi li sa Santa Marija tkun ġiet offruta t-tilqima lill-poplu kollu.