Lokali

Xogħol “bla pjan” minn Infrastructure Malta

Sena ta’ inkonvenjent għar-residenti ta’ Triq id-Dejqa, Triq Santa Katerina u Triq Joseph Pace ma kinitx biżżejjed, hekk kif dawn it-tliet toroq li sena ilu beda x-xogħol fuqhom iridu jerġgħu jinqalgħu.

Sena ilu, Infrastructure Malta bdiet xogħol ta’ konkos f’dawn it-toroq, hekk kif il-Kunsill kellu mbagħad jieħu f’idejh it-tqegħid ta’ pavimentar.

Madankollu, kif spjega l-Minority Leader fil-Kunsill Lokali tal-Gudja Mark Anthony Sammut, jidher li x-xogħol tant sar ħażin, li se jkollu jinqala’ kollu.

Filwaqt li qal li ta’ min wieħed jistaqsi lil Infrastructue Malta jekk ix-xogħol ħażin li sar tħallasx tiegħu il-kuntrattur, spjega li lanqas il-Periti ma riedu jiċċertifikaw ix-xogħol li sar.

Min-naħa tiegħu, il-Kunsillier l-ieħor tal-Partit Nazzjonalista f’din il-lokalità, Stefan Caruana, spjega li hu importanti li ssir ġustizzja mar-residenti milquta.

Il-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista qalu li minkejja li kienu ilhom żmien twil jiġbdu l-attenzjoni tas-Sindku dwar dan kollu, hi injorat l-appelli u issa se jkollu jsir ħafna xogħol doppju u bi spejjeż żejda.