Internazzjonali

Covid-19: Dalwaqt jiftħu l-ħwienet mhux essenzjali fir-Renju Unit – bil-pubs jistgħu jservu lin-nies fuq barra

Il-poplu qed ikun mitlub ‘jirrispetta lill-ħaddiema’ meta mit-Tnejn bdew jiftħu eluf ta’ ħwienet u stabbilimenti kummerċjali meqjusa bħala ‘mhux essenzjali’ fid-diversi reġjuni tal-Ingilterra u Wales.

L-iżviluppi komplew juru s-suċċess tal-programmi tat-tilqim fir-Renju Unit, bil-ftuħ tal-ħwienet u l-pubs – taħt numru ta’ regoli u kundizzjonijiet – qed isir possibbli aktar minn tliet xhur wara li dawn l-istabbilmenti kienu għalqu l-bibien tagħhom.

Ix-xerrejja kollha xorta waħda jridu jilbsu l-maskri tal-wiċċ u josservaw ir-regoli għad-distanza soċjali – bil-ħwienet fl-Ingilterra se jkunu jistgħu jiftħu sal-10 ta’ bil-lejl f’miżura li mistennija tevita l-iffullar żejjed. Intant, b’riżultat ta’ dan mistennija spinta kbira fil-bejgħ mill-ħwienet fl-Ingilterra u Wales, fil-ġranet li ġejjin.

Il-pubs u r-ristoranti fl-Ingilterra fis-sigħat li jmiss se jservu lill-klijenti fuq barra, bin-nies anki qed ikunu permessi li jagħmlu t-taħriġ fiżiku fil-gymnasiums. L-istabbilimenti li qed jiftħu mill-ġdid fl-Ingilterra jinkludu z-zoos u l-ħwienet tax-xagħar.

Is-sidien tal-pubs li kienu intervistati fl-aħħar sigħat qalu li kienu qed jistennew bil-ħerqa li jilqgħu lin-nies lura fil-beer gardens tagħhom.  Dan meta skont ir-restrizzjonijiet preċedenti, in-nies setgħu imorru biss fil-pubs ma’ xi membru tal-familja u mhux mal-ħbieb.

Intant, il-Professur Peter Horby, li jmexxi l-Grupp Nervtag tal-Gvern Britanniku li jitratta t-theddid mill-viruses il-ġodda, ħeġġeġ xorta għall-kawtela u sostna li ‘hi inevitabbli’ żieda fl-infezzjonijiet ladarba r-regoli jkunu rilaxxati.

Horby qed jittama li l-programmi tat-tilqim jevitaw li, fil-ġimgħat li jmiss, ma jiżdidux ħafna l-pazjenti fl-isptarijiet u l-imwiet mill-Covid-19. U skont il-Professur, ir-‘rebound’ ta’ każi għandu jiddependi minn kemm in-nies jirrispettaw ir-restrizzjonijiet.

Skont l-istatistika tal-Gvern, ir-Renju Unit, nhar il-Ġimgħa, laqqam l-akbar ammont ta’ nies għal ġurnata waħda li kienu konfermati mal-450,136. Intant, iċ-ċifri tas-Sibt urew li 2,589 infezzjonijiet ġodda kienu reġistrati fl-24 siegħa preċedenti.

Madankollu, ix-xjenzati inkarigati bis-sorveljanza – jew tracking – tal-epidemija qalu li hemm dejjem aktar provi li l-programmi tat-tilqim qed inaqqsu l-inċidenza tal-imwiet mill-Covid-19.

Dan waqt li studju kummissjonat mill-Gvern u mmexxi mill-Imperial College ta’ Londra suġġerixxa li l-infezzjonjiiet naqsu b’xi żewġ-terzi minn Frar qabel niżlu għal livell konsistenti — fost indikazzjonijiet li s-sitwazzjoni qed tinġieb taħt kontroll. 

Sadanittant, filwaqt li n-nies fir-Renju Unit bdew jitħalltu aktar flimkien, l-imwiet mill-Covid-19 baqgħu ma telgħux b’mod inkwetanti.