Lokali Qorti

Għaddew lil Yorgen Fenech dettalji dwar il-gang li qatlet lil Caruana Galizia

Skont l-aħħar rapporti, jidher li silta minn rapport ta’ inteliġenza immarkat classified dwar gang kriminali marbuta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia nstabet mill-investigaturi fuq il-mobile ta’ Yorgen Fenech.

Skont sorsi li tkellmu mat-Times of Malta, ritratt minn sezzjoni ta’ dan ir-rapport ta’ inteliġenza, li jsemmi persuni suspettati li fornew u poġġew l-bomba użata biex inqatlet il-ġurnalist, intbagħat lil Yorgen Fenech f’Marzu 2019.

Jidher li dan ir-rapport identifika lill-aħwa Alfred u George Degiorgio, l-aħwa tal-Maksar Adrian u Robert Agius, lil Jamie Vella kif ukoll lil Vince Muscat il-Koħħu bħala parti mill-gang kriminali.

L-investigazzjonijiet sabu li dan ir-ritratt inbagħat minn Johann Cremona, li hu direttur f’Gaming Company ta’ Fenech u li anke kellu rabtiet mill-qrib mal-middleman Melvin Theuma.

Sorsi qed jgħidu li minkejja li Cremona kellu ħafna informazzjoni dwar l-assassinju u jidher li fl-2019, kellu rwol importanti biex jikkalma lil Melvin Theuma fejn kien ħeġġu biex iħassar ir-recordings.

Jeżistu suspetti li l-eks Chief of Staff ta’ Kastilja, Keith Schembri, kien jgħaddi informazzjoni dwar l-investigazzjoni lil Cremona meta Yorgen Fenech kien indispost.

Waqt xhieda fil-Qorti, Cremona sostna li kien tkellem ma’ Keith Schembri darba f’Settembru tal-2019, meta ċ-chief of staff kien ċempillu għax kien ippanikjat li ma jafx fejn kien Yorgen Fenech. Cremona ammetta mal-pulizija li kien talab lil Schembri job mal-Gaming Authority għal Raymond Aquilina li hu eks uffiċjal tal-pulizija.

Fil-jiem li ġejjin kemm Cremona kif ukoll Schembri mistennija jiffaċċjaw kontro eżami mill-avukati ta’ Fenech.