Lokali

“Għamiltu regoli li joħonqu l-libertà tal-volontarjat” – Repubblika

F’pajjiżna għexieren ta’ eluf ta’ persuni ta’ kuljum jikkontribwixxu l-ħiliet u l-ħin tagħhom għal għanjiet li jservu l-ġid komuni. Dawn huma n-nies tal-għaqdiet volontarju. Dawn huma l-Malta li għandna niftaħru biha.

F’ittra li bgħatu lill-Prim Ministru, Repubblika stqarrew li hija l-ħidma ta’ dawn in-nies, ta’ dawn l-għaqdiet, li ġġedded ta’ kuljum dak li hu tajjeb f’pajjiżna. Huma dawn in-nies li jagħmluna kburin li aħna Maltin.

IIl-Malta tal-volontarjat hija l-Malta li rridu nħarsu u nimbuttaw ‘il quddiem. Huma dawn in-nies – il voluntiera – li joffru eżempju tajjeb ta’ x’inhi cittadinanza tajba. Kuljum, dawn jagħtu l-ħin liberu tagħhom, u spiss anke flushom, għal dak li jemmnu fih. Kuljum, l-organizzazzjonijiet li jiffurmaw parti minnhom joffru servizzi li kieku ma jeżistux.

Huma komplew jgħidu li fI-2007 is-settur tal-volontajat ingħata struttura xierqa bil-ħolqien tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji. Dan kien pass fid-direzzjoni t-tajba. Matul is-snin, bosta organizzazzjonijiet volontarji rreġistraw u bdew jippreżentaw rapporti regolari dwar id-dħul u l ispejjeż tagħhom lill-Kummissarju. 

Repubblika komplew jgħidu li madankollu, dan l-aħħar il-gvern immexxi minn Robert Abela iddeċieda, mingħajr ebda konsultazzjoni ma’ ħadd, li jibdel dawn ir-regoli b’avviżi legali li ser jeqirdu l-volontarjat minn pajjiżna.

L-ewwelnett, dawn l avviżi legali abbrogaw d-dritt awtomatiku tal-għaqdiet volontarji reġistrati mal-Kummissarju tal-organizzazzjinijiet Volontarji li jagħmlu ġbir mingħand il-pubbliku. Barraminnhekk, permezz ta’ dawn l-avviżi legali, il-gvern impona restrizzjonijiet ġodda u imprattikabbli fuq il-mod kif l organizzazzjonijiet volontarji jiffinanzjaw lilhom infushom. 

Ir-restrizzjonijiet u ż-żieda fi-burokrazija introdotti permezz ta’ dawn l-avviżi diffiċli immens għall-organizzazzjonijiet volontarji biex jiffunzjonaw. Fuq kollox, dawn l-avviżi legali huma vot ta’ sfiduċja fl-għaqdiet volontarji u fil-voluntiera kollha ta’ Malta u Għawdex. Dan m’għandux ikun. Il-kontribut tal-volontarjat lis-soċjetà Maltija huwa imprezzabbli u ħadd m’għandu jitħalla jkissru. 

Rrepubblika konxji li pajjiżna qed jaffaċċja sfida kbira biex jgħaddi mit-test tal-Moneyval. Iżda hija inġustizzja kbira li se jkunu l-organizzazzjonijiet volontarji li se jkollhom jagħmlu tajjeb għal abbużi li għamlu terzi. 

Dan kollu mhux aċċettabbli għall-eluf ta’ voluntiera Maltin u Għawdxin. Dan kollu mhuwiex aċċettabbli f’demokrazija. In vista ta’ dan, permezz ta’ ittra, Repubblika talbet lill-Prim Ministru jirtira u jirrevoka l-Leġislazzjoni Sussidjarja 492.03 – Regolamenti dwar l-Organizzazzjonijiet Volontarji (Ġbir Pubbliku) u l-Leġislazzjoni Sussidjarja 492.04 – Regolamenti dwar l-Organizzazzjonijiet Volontarji (Hwienet tal-Karità).