Lokali Sport

“Għandna bżonn policy li tirrikonoxxi l-professjonalità fl-isport”- Clyde Puli

“Għanda bżonn policy li tirrikonoxxi l-professjonalità fl-isport”. Hekk sostna l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport Clyde Puli waqt intervistà fil-programm ta’ ġrajjiet kurrenti NETLIVE fuq Net TV..

Clyde Puli kien qed jirreaġixxi għall-mod ta’ kif l-isports f’pajjiżna se jibqa’ projbit għaż-żmien li ġej wara li nhar l-Erbgħa l-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien qed jirrilaxxa l-miżuri ma indikax meta l-isportivi se jkunu jistgħu jirritornaw għat-taħriġ tagħhom.

Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista b’referenza għall-kliem li għadda l-Prim Ministru nhar l-Erbgħa filgħaxija fejn irrefera għall-isport bħala “passatemp” qal li filwaqt li għall-Gvern l-isport huwa mgħoddija taż-żmien, għall-Partit Nazzjonalista l-isport huwa prijorità hekk kif Partit Nazzjonalista li jkun fdat fil-Gvern, huwa kommess li l-isport ikun elevat f’livell ta’ Ministeru fejn ikun hemm Ministru ffukkat fuq l-isport.

Fl-istess intervent, Clyde Puli semma kif huwa importanti li trid issir distinzzjoni bejn sport prattikat b’mod professjonali u sport prattikat għall-gost. Puli rrimarka kif l-assoċjazzjonijiet u l-isportivi f’pajjiżna ma kienux ikkonsultati bid-deċiżjoni li kien se jieħu l-Gvern u li din il-projbizzjoni tal-isport qed tħalli mpatt finanzjarju fuq għadd ta’ atleti li jitħarrġu b’mod professjonali fejn jiddependu mill-isport għall-għixien tagħhom. Hu semma wkoll kif bosta assoċjazzjonijiet huma marbuta b’numru kuntratti professjonali u li dawn kawża tad-deċiżjonijiet li ttieħdu se jkunu qed jagħmlu telf finanzjarju qawwi.