Internazzjonali

Greċja: Determinati li jsolvu l-qtil brutali ta’ ġurnalista

Il-Prim Ministru Grieg, Kyriakos Mitsotakis, ordna investigazzjoni bir-reqqa u mill-aktar fis dwar il-qtil brutali tal-ġurnalista Giorgos Karaivaz li seħħ jiem ilu f’Ateni.

Karaivaz kien famuż għall-investigazzjonijiet ta’ reati kriminali u spiċċa jaqla’ sitt tiri ta’ arma minn żewġ assassini li kienu rekbin fuq mutur.

Kelliema għall-Gvern qalu li qed isir minn kollox biex isiru magħrufa l-awturi tal-omiċidju li xokkja lill-pajjiż kollu. Dan meta fl-aħħar jiem irrankat il-ħidma tal-awtoritajiet biex isolvu d-delitt u ssir ġustizzja mal-ġurnalista maqtul.

Id-difensuri tal-istampa ħielsa qalu li jrid isir magħruf ‘bla ħjiel ta’ dubju’ jekk Karaivaz inqatilx minħabba x-xogħol tiegħu wara li hu kien ilu jiżvela każi ta’ korruzzjoni u kriminalità organizzata.

Il-Kummissjoni Ewropea wkoll tinsab ixxukkjata b’dan il-każ ta’ qtil rari ta’ ġurnalista (fl-Ewropa), bil-President Ursula von der Leyen tħeġġeġ ġustizzja ‘għal dan id-delitt kodard u despikabbli’.