Internazzjonali

Ingilterra: Luttu għall-Prinċep Philip u servizz speċjali fil-Katidral ta’ Canterbury

L-Arċisqof ta’ Canterbury, Justin Welby, mexxa servizz ta’ tifkira għall-Prinċep Philip, id-Duka ta’ Edinburgh, meta r-Renju Unit għadu fil-bidu ta’ perjodu ta’ luttu uffiċjali.

Il-Prinċep miet nhar il-Ġimgħa fil-Kastell ta’ Windsor, fl-età ta’ 99 sena. Intant, filwaqt li l-Familja Rjali se tosserva ġimgħatejn luttu, il-membri tagħha mistennija jkomplu jaqdu l-impenji tagħhom fiċ-ċirkustanzi xierqa. Dan waqt li stqarrija mill-Palazz ta’ Buckingham qalet li ‘minkejja n-niket, il-jiem li ġejjin se jipprovdu opportunità lill-pajjiż biex jiċċelebra l-ħajja ta’ raġel straordinarju’.

L-Arċisqof  Welby – li se jmexxi l-quddiesa ta’ nhar is-Sibt, il-jum tal-funeral tal-Prinċep — qal, waqt is-servizz, li l-Prinċep Philip kien spalla konsistenti tar-Reġina Eliżabetta u kien lest dejjem biex jaqdi d-doveri u responsabbiltajiet kollha b’lealtà sħiħa lill-Familja Rjali u lin-nazzjon.

Il-perjodu ta’ luttu nazzjonali intant se jintemm is-Sibt bil-funeral tal-Prinċep Philip li għandu jsir f’St George’s Chapel fil-Kastell ta’ Windsor.

Il-gwidi tal-Gvern Britanniku, intant, jesiġu li jridu jkunu n-negozji individwali li jiddeċiedu jekk jiftħux jew le f’dan il-perjodu ta’ luttu. Dan waqt li l-organizzaturi tal-avvenimenti sportivi huma infurmati li jistgħu jagħżlu jekk l-avvenimenti – fosthom il-programmi tal-futbol għal nhar is-Sibt – ikomplux bħas-soltu.

L-English Football League issa qal li se jibdel il-ħinijiet tal-logħob skedat għat-3 pm (4 pm ħin ta’ Malta) bħala ‘sinjal ta’ qima u rispett lill-Prinċep’.

Intant sar magħruf li mhux aktar minn 30 ruħ – li mistennija jkunu l-qraba tad-Duka ta’ Edinburgh – jistgħu jattendu għall-funeral tal-Prinċep Philip minħabba r-regoli tal-Covid-19. Dan fost konferma li l-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson mhux se jattendi għall-funeral ‘biex jippermetti li jattendu l-massimu possibbli tal-qraba tad-Duka’.

Is-sitwazzjoni tal-Covid-19 tfisser ukoll li l-pubbliku qed ikun avżat biex ma jinġabarx flimkien fuq barra fl-okkażjoni solenni tas-Sibt . U waqt li numru kbir ta’ nies fl-aħħar jiem ħarġu biex iqiegħdu l-bukketti tal-fjuri quddiem il-Kastell ta’ Windsor, il-Gvern qed jitlob biex il-pubbliku ma jkomplix jagħmel hekk u minflok jagħti l-flus lill-karità.

Il-Palazz ta’ Buckingham ħareġ stqarrija li l-arranġamenti funebri għal tmiem il-ġimgħa  ‘jirriflettu b’mod assolut’ ix-xewqat tad-Duka ta’ Edinburgh fid-dawl tal-pandemija.

Is-servizz funebri – li se jixxandar dirett fuq it-televiżjoni – jinvolvi avveniment ċerimonjali aktar milli okkażjoni statali mill-kbar u liema okkażjonijiet, is-soltu, ikunu assoċjati mal-mewt ta’ xi Re jew Reġina.

Sadanittant, il-Prinċep Harry – iben il-Prinċep Charles u n-neputi tad-Duka ta’ Edinburgh – se jivvjaġġa mid-dar tiegħu f’Kalifornja ( fl-Istati Uniti) lejn l-Ingilterra biex jattendi l-funeral. Il-mara tiegħu, Meghan, id-Dukessa ta’ Sussex, ingħatat il-parir mit-tobba biex ma tivvjaġġax peress li hi tqila.

Fi tmiem il-ġimgħa, il-kanuni tas-saluting batteries sparaw 41 tir f’tislima lid-Duka fi bliet bħal Londra, Edinburgh u Cardiff – kif ukoll il-Kastell ta’ Hillsborough, f’County Down. L-istess salut bil-kanuni sar fit-territorju ta’ Ġibiltà,  taħt sovranità Britannika.

It-tebut tal-Prinċep Philip mhux se jitħalla f’post fejn jistgħu jarawh il-pubbliku, bit-tebut, minflok, se jitqiegħed fil-kappella privata tal-Kastell ta’ Windsor. Fuq it-tebut se jitħallew girlanda tal-fjuri flimkien mal-istandard personali tad-Duka.

Il-bini tal-Gvern kollha fir-Renju Unit se jkunu kollha qed itajjru l-bnadar uffiċjali mezz’asta b’tislima lid-Duka ta’ Edinburgh, b’dan is-sinjal ta’ luttu għandu jibqa’ osservat sat-8 ta’ filgħodu tal-Ħadd, l-għada tal-funeral.