Futbol Sport

Inter iżommu id-distakk minn ma’ Milan f’ras il-klassifika… Juventus jegħlbu lil Genoa

Il-leaders tas-Serie A Inter żammew il-ħdax-il punt vantaġġ fuq Milan b’rebħa fuq Cagliari f’San Siro, bl-iskor ta’ 1-0. Fid-69 minuta Inter marru viċin li jieħdu l-vantaġġ hekk kif minn corner ta’ Christian Eriksen, kien Stefan De Vrij li ra d-daqqa ta’ ras tiegħu taħbat mal-lasta. Iżda Inter skorjaw il-gowl uniku fis-77 minuta meta minn pass ta’ Achraf Hakimi, kien MATTEO DARMIAN li mill-viċin tefa’ ġewwa għal skor finali ta’ 1-0.

Juventus kisbu rebħa ta’ 3-1 fil-Juventus Stadium kontra Genoa. Juventus marru fil-vantaġġ fir-raba’ minuta meta minn pass ta’ Juan Cuadrado, DEJAN KULUSEVSKI tefa’ ġewwa għal 1-0. Juventus irdoppjaw fit-22 minuta meta minn xutt ta’ Federico Chiesa, il-ballun spiċċa għand Cristiano Ronaldo li mill-viċin laqat il-lasta, biex ALVARO MORATA tefa’ ġewwa mit-tielet tentattiv. Genoa naqsu d-distakk fid-49 minuta meta minn corner ta’ Nicolo Rovella, kien GIANLUCA SCAMACCA li bir-ras għeleb lil Wojciech Szczesny. Juventus skorjaw it-tielet gowl fis-70 minuta meta minn pass ta’ Danilo WESTIN MCKENNIE sab ruħu wiċċ’ imb’wiċċ mal-gowlkiper, biex tefa’ fix-xibka għal skor finali ta’ 3-1.

Fl-iStadio Luigi Ferraris Napoli għelbu lil Sampdoria bl-iskor ta’ 2-0. Napoli fetħu l-iskor fil-35 minuta meta minn pass ta’ Piotr Zielinski għadda lejn FABIAN li tefa’ ġewwa għal 1-0. Fil-75 minuta Sampdoria ħasbu li se jnaqssu d-distakk permezz ta’ Morten Thorsby, iżda l-gowl kien imħassar wara konsultazzjoni mal-VAR. Biex fis-87 minuta Napoli għalqu l-partita meta minn pass ta’ Dries Mertens, kien VICTOR OSIMHEN li skorja għal skor finali ta’ 2-0.

Lazio kisbu rebħa minima ta’ 1-0 barra minn darhom kontra Hellas Verona, biex komplew iqawwu qalbhom għal post fl-Ewropa. B’din ir-rebħa telgħu fis-sitt post b’55 punt tliet punti taħt it-tim tal-ħames post Atalanta. Lazio kellhom gowl imħassar fis-47 minuta meta Felipe Caicedo tefa’ għal ġewwa, bil-gowl ikun mħassar għal foul fl-azzjoni preċedenti. Madanakollu, hekk kif kollox deher li l-partita kienet sejra għal draw, fit-92 minuta Lazio kisbu l-gowl tar-rebħa hekk kif min cross ta’ Stefan Daniel Radu, kien SERGJE MIMLINKOVIC-SAVIC li bir-ras tefa’ ġewwa għal skor finali ta’ 1-0.

Gowl skorjat minuta minn tmiem l-ewwel taqsima kien biżżejjed għal Roma biex fi Stadio Olimpico għelbu lil Bologna bl-iskor ta’ 1 – 0 . Rebħa li permezz tagħha Roma telgħu fis-seba’ post b’54 punt, punt taħt Lazio. Bologna b’din it-telfa temmew serje pożittiva fejn baqgħu fil-ħdan il-post f’34 punt. Minkejja bilanċ assolut matul l-ewwel taqsima, fl-44 minuta Roma fetħu l-iskor. BORJA MAYORAL b’azzjoni personali qata’ d-difiża avversarja biex għeleb lil Lukasz Skorupski. Gowl li kien biżżejjed għal Roma li matul it-tieni taqsima b’xi mod ikkontrollaw ir-reazzjoni ta’ Bologna.

Atalanta kisbu rebħa ta’ 3-2 barra minn darhom kontra Fiorentina f’partita mimlija gowls. Atalanta marru fil-vantaġġ fit-13-il minuta meta minn pass ta’ Ruslan Malinovsky kien DUVAN ZAPATA lixeħet ġewwa għal 1-0. L-istess żewġt; iplejers reġgħu qablu bejn xulxin biex fl-40 minuta DUVAN ZAPATA rdoppja għal Atalanta. Fiorentina wettqu reazzjoni fit-58 minuta meta minn cross ta’ Cristiano Biraghu, Martin Caceres niżżel bir-ras lejn DUSAN VLAHOVIC li kkonkluda għal ġewwa għal 2-1. Fiorentina saħanasitra ġabu l-gowl tad-draw fis-70 minuta minn pass din id-darba ta’ Chrisitan Kouame reġa’ kien DUSAN VLAHOVIC li tefa’ ġewwa. Iżda Atalanta skorjaw il-gowl tar-rabħa fis-70 minuta meta ngħataw penalty, fejn inkariga ruħu minnu JOSIP ILLICIC li ma żbaljax għal skor finali ta’ 3-2.

Is-Sibt Spezia v Crotone 3-2, Parma v Milan 1-3, Udinese v Torino 0-1
Illum Inter v Cagliari 1-0, Juventus v Genoa 3-1, Sampdoria v Napoli 0-2
H.Verona v Lazio 0-1, Roma v Bologna 1-0, Fiorentina v Atalanta 2-3
Għada Benevento v Sassuolo 8.45pm