Internazzjonali

L-Iran: Akkużi dwar ‘terroriżmu nukleari’

Uffiċjali fl-Iran qed jgħidu li faċilità nukleari fil-pajjiż spiċċa mira ta’ ‘azzjoni terroristika’ proprju l-għada tal-inawgurazzjoni ta’ centrifuges avvanzati għaz-zamma tal-uranju.

Filwaqt li l-Iran ma identifikax ‘lit-terroristi’, ir-reġim Iżlamiku f’Tehran qed iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex tindirizza l-każ. Dan waqt li l-media ta’ Iżrael qed tissuġġerixxi li l-inċident seħħ b’riżultat ta’ sabutaġġ ċibernetiku.

Il-President Iranjan, Hassan Rouhani kien awgura s-centrifuges il-ġodda fis-sit ta’ Natanz li hu importanti ħafna għall-programm nukleari ta’ pajjiżu.

L-aħħar inċident seħħ meta reġgħu bdew l-isforzi diplomatiċi biex jistimolaw il-ftehim storiku tal-2015 bejn l-Iran u l-potenzi tad-dinja u li l-Istati Uniti reġgħet issieħbet fihom wara li kienet ħarġet minnhom fl-2018.