Futbol Sport

Man Utd jiksbu rebħa brillanti kontra Spurs u jnaqqru mill-vantaġġ tas-Citizens

Manchester United irkupraw minn żvantaġġ ta’ gowl biex ġabu fix-xejn lil Tottenham Hotpur b’wirja brillanti fit-tieni taqsima li rathom jiksbu rebħa, 3-1, fuq it-tim ta’ Jose Mourinho fin-New White Hart Lane.
Il-logħba kellha bidu kwiet iżda qamet sew wara li Edinson Cavani kellu gowl tajjeb imħassar mill-VAR talli l-midfielder tar-Red Devils, Scott McTominay kien laqat lil Son Heung-min f’wiċċu b’idejh waqt l-azzjoni. Ftit minuti wara, l-istess SON (40) sab ruħu żmarkat biex jegħleb lil Henderson b’xutt fil-baxx, u b’Tottenham jagħlqu t-taqsima b’dan il-vantaġġ minimu.

Intant, it-tieni taqsima kienet kollha ta’ marka ‘United’ li ħarġu mal-ewwel fuq l-attakk u bir-Red Devils meritatament jiksb u d-dro minn FRED (57) wara li Lloris kien salva parzjalment ix-xutt qawwi ta’ Cavani. United baqgħu jkunu perikolużi u għaxar minuti mit-tmiem, CAVANI nxteħet minn tulu għall-kross ta’ Greenwood biex jirkoppja għar-Red Devils b’diving header. Tottenham ippruvaw jagħmlu reazzjoni u Cavani għal ftit ma wettaqx awtogol klassiku b’daqqa ta’ ras li ħabtet mal-mimduda waqt li United kienu qed jiddefendu korner.

Intant, Man Utd siġillaw il-punti fil-ħames minuta tal-ħin miżjud meta GREENWOOD avanza fil-kaxxa u għeleb lil Lloris għat-tielet darba b’xutt fil-baxx. B’din ir-rebħa, United naqqsu l-vantaġġ ma’ Manchester City – il-liders tal-Premier League – għal 11-il punt, b’Tottenham jibqgħu fis-seba’ post tal-klassifika.

Sadanittant, Jesse Lingard – li aktar kmieni fl-istaġun ingħaqad b’self ma’ West Ham United mingħand ir-Red Devils – kompla bil-forma inkredibbli b’żewġ gowls oħra fir-rebħa, 3-2, tal-Hammers fuq Leicester City fil-London Stadium. Din il-logħba kienet importanti fil-ġlieda għat-Top Four tal-Premier League, b’West Ham — li qegħdin juru determinazzjoni li jissieltu sat-tmiem — jiftħu vantaġġ ta’ tliet gowls fuq il-Foxes sat-48 minuta.

Il-Hammers kisbu l-vantaġġ minn azzjoni mibdija minn Masuaku, bil-ballun jasal għand Coufal li qassam lil LINGARD (29) li sab ix-xibka ta’ Schmeichel b’xutt għar-rokna. West Ham irduppjaw minuta mill-mistrieħ meta Jarrod Bowen għeleb in-nasba tal-offside u għadda ballun ieħor perfett lil Lingard li skorja f’xibka vojta għat-tmien gowl personali fid-disa’ logħbiet tiegħu ( fil-league) għall-Hammers.
Kien imbagħad BOWEN (48) li fit-tieni taqsima kabbar l-iskor għal West Ham fuq l-assist ta’ Soucek, iżda mbagħad waslet ir-rimonta ta’ Leicester li naqqsu d-distakk għal 3-2 b’żewġ gowls ta’ Kelechi IHEANACHO (70 u 91) li madankollu ma kenux biżżejjed biex jevitaw it-telfa.

Allan Saint-Maximin kien l-ispirazzjoni f’rebħa kruċjali għal Newcastle United fuq Burnley f’Turf Moor u wara li l-Magpies kienu sabu ruħhom gowl minn taħt grazzi għal Matej VYDRA (18). Iżda waqt li Burnley kienu xi ftit aħjar fl-ewwel 45 minuta, il-logħba daret bl-introduzzjoni ta’ SAINT-MAXIMIN fit-tieni taqsima – bil-winger Franċiż, bl-ewwel azzjoni tiegħu, isib lil Jacob MURPHY (59) għall-1-1. Sitt minuti wara Saint-Maximin skorja tieni gowl brillanti li kien ukoll deċiżiv u li permezz tiegħu, Newcastle, issa, jinsabu sitt punti ‘il fuq miz-zona l-ħamra tal-klassifika. Min-naħa tagħhom, Burnley jinsabu f’sitwazzjoni skomda lejn in-naħa t’isfel tal-Premier League meta għandhom biss seba’ punti aktar minn Fulham li huma t-tielet mill-aħħar.

Arsenal kisbu rebħa ta’ 3-0 barra minn darhom kontra Sheff United. Għal Arsenal ALEXANDRE LACAZETTE fetaħ l-iskor fit-33 minuta biex Gabriel Marinelli rdoppja fil-71 minuta. ALEXANDRE LACAZETTE skorja t-tieni gowl personali u t-tielet għall-Gunners fil-85 wara pass preċiż tal-midfilder Thomas Partey.

Il-Ġimgħa : Fulham v Wolves 0-1 Is-Sibt : Man City v Leeds 1-2
Liverpool v Aston Villa 2-1, C’Palace v Chelsea 1-4 Illum : Burnley v Newcastle 1-2, West Ham v Leciseter 3-2, Tottenham v Man Utd 1-3
Sheff Utd v Arsenal 0-3 Għada : West Brom v Southampton 7.00pm
Brighton v Everton 9.00pm