Seba’ kmamar tal-aħbarijiet f’Malta qajmu tħassib serju dwar id-deċiżjoni tal-Maġistrat li takkuża lill-ġurnalisti b’disprezz lejn il-Qorti wara l-pubblikazzjoni ta’ stejjer ta’ interess pubbliku.
Illum, Malta Independent, MaltaToday, Newsbook, Lovin Malta, The Shift News u Times of Malta ngħaqdu flimkien, u saħqu li “il-kriminalizzazzjoni tal-istejjer hija l-oppost ta’ dak li Malta teħtieġ bħalissa f’dawn iż-żminijiet straordinarji.”
Madwar sena ilu, l-Maġistrat Rachel Montebello kienet ordnat lill-kmamar tal-aħbarijiet biex ma jippubblikawx stejjer li joriġinaw minn dejta estratta mill-mobile ta’ Yorgen Fenech, li qed ikun akkużat b’kompliċità fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Din l-ordni kienet maħsuba biex tiżgura li l-proċeduri ma jiġux influwenzati bla bżonn.
Minn dakinhar, il-media ppubblikat numru ta’ stejjer li l-maġistrat qieset li għamlu referenza ċara għal messaġġi skambjati minn Fenech. Il-kmamar tal-aħbarijiet qalu li l-ebda waħda mill-istejjer ma kienet b’xi mod marbuta mal-qtil ta’ Caruana Galizia imma kienu kollha kwistjonijiet relatati ma’ għemil ħażin minn uffiċjali pubbliċi li kien jistħoqqilhom li tittieħed azzjoni f’waqtha.
Dawn is-seba’ kmamar tal-aħbarijiet qalu li “l-istejjer li ġew indirizzati b’mod responsabbli ħarġu wara parir legali u kunsiderazzjoni tal-interess pubbliku.” Jgħidu li “din il-projbizzjoni hija problematika ħafna u taffettwa serjament il-libertà ta’ informazzjoni lil ċittadini li jħallsu t-taxxa, li għandhom id-dritt ikunu jafu jekk uffiċjali pubbliċi humiex jabbużaw mill-pożizzjoni tagħhom. Timmina wkoll il-libertà tal-espressjoni tal-ġurnalisti.”
Il-kmamar tal-aħbarijiet affermaw mill-ġdid l-impenn lejn l-verità kollha minkejja l-ħafna riskji u theddid li jsiru ta’ kuljum.
//= $special ?>