Lokali

100 Sena mit-tfassil tal-Kostituzzjoni

Irridu ngħarfu aktar min aħna u kemm għandna nkunu kburin bħala poplu, filwaqt li nifhmu li l-għaqda hija essenzjali dejjem sabiex nimxu ‘l quddiem.

Sostna dan il-President ta’ Malta George Vella f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata flimkien mal-Professur Ray Mangion hekk kif ġie mħabbar li nhar is-Sibt 17 ta’ April se jkun qed jiġi organizzat Webinar fl-okkażżjoni tal-100 sena mill-kisba tal-kostituzzjoni.

Il-President tar-Repubblika sostna li dan l-avveniment tal-1921 ma kienx wieħed iżolat, imma frott ta’ storja twila konsistenti u insistenti mill-poplu Malti. George Vella insista li tul dan il-webinar se jkunu qed jipparteċipaw Ray Mangion, Joe Pirotta, Francis Camilleri Cassar, Josianne Cutajar kif ukoll Nicholas Doublet.

Il-President ta’ Malta saħaq li apparti l-element storiku se jkun qed jiġi diskuss l-element soċjali, politiku kif ukoll reliġjuż – żmien li matulu twettqet ukoll it-traġedja tas-7 giugno.

George Vella insista li x-xewqa tiegħu hi li minn dan il-webinar il-poplu jsir jaf kif sirna nazzjon, kif nibtu l-partiti politiċi u kif pajjiżna kiseb id-demokrazija hekk kif ħeles mill-jasar tal-kolonjaliżmu wara l-kisba tal-Indipendenza fl-1964.

Filwaqt li l-webinar se jkun wieħed bil-Malti akkumpanjat ukoll mil-lingwa tas-sinjali, il-President George Vella ħeġġeġ lill-istudenti sabiex isegwuh bi ħġarhom filwaqt li spjega li l-papers li se joħorġu minn din id-diskussjoni huma fil-ħsieb li jiġu ppublikati wkoll.