Lokali Parlament

Alex Muscat jirtira allegazzjoni fil-konfront ta’ Adrian Delia dwar l-MEP David Casa

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat illum irtira allegazzjoni li kien għamel fil-konfront tad-deputat Nazzjonalista Adrian Delia dwar l-MEP David Casa.

Fil-parlament, id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia kien ressaq ksur ta’ privileġġ fil-konfront tas-Segretarju Parlamentari Alex Muscat li kien allega li l-ex Kap tal-PN Adrian Delia kien mar talab flus biex ma jitlax l-MEP David Casa fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Meta ressaq il-każ tal-ksur tal-privileġġ id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia kien oġġezzjona għal dan id-diskors ta’ Alex Muscat u ċaħad kategorikament l-allegazzjoni tas-Segretarju Parlamentari Laburista.

Fit-tweġiba tiegħu Alex Muscat kien qal li hu kien qed jirrepeti dak li kien intqal f’seduta tal-qorti.

Fir-ruling tiegħu llum, l-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li kien qed jirreferi għal dak li seħħ fil-qorti u sostna li wara li eżamina x-xhieda fil-qorti, iqis li d-diskors ta’ Alex Muscat fil-konfront ta’ Adrian Delia jammonta għal ksur ta’ privileġġ prima facie.

L-Ispeaker ikkonkluda li Alex Muscat kien ibbaża d-diskors tiegħu fuq dak li intqal fil-qorti u għalhekk se jitlob lil Alex Muscat jirtira l-kliem li qal fil-konfront ta’ Adrian Delia u jitolbu jikkonferma li hu għamel biss riferenza għal dak li inqtal fil-qorti.

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li hu kien ikkwota dak li ħareġ mill-qorti iżda kien naqas li jagħmel riferenza għar-rapporti li rapportaw dak li intqal fil-qorti.

Mitlub jispeċifika jekk hux qed jirtira l-allegazzjonijiet li għamel, Alex Muscat qal li hu kien qed jgħid dak li ħareġ mill-qorti u rtira l-allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Adrian Delia.