Lokali Qorti

Ikomplu l-każijiet ta’ ċertifikati foloz tal-Covid-19

Komplew il-każijiet fil-Qorti ta’ persuni akkużati li qed jippruvaw jitilqu minn Malta b’ċertifikat falz tal-Covid-19. Din id-darba kien raġel ta’ nazzjonalita Torka li tressaq il-Qorti.

Muhammet Mustafa Aslan, ta’ 35 sena, ma ngħatax il-libertà proviżorja wara li ġie mixli li kellu fil-pussess tiegħu ċertifikat falz tal-Covid-19. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih iżda t-talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu miċħuda mill-Qorti preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud.

II-Maġistrat qal li dan huwa każ serju ħafna. “Kulħadd jinsab taħt assedju minħabba l-pandemija. Il-miżuri kollha għandhom jiġu segwiti u jien ma rridx li xi ħadd jagħmel xi ħaġa li jpoġġi fil-periklu l-ħajja jew is-saħħa tan-nies f’Malta.”

L-Ispettur Christian Abela li ressaq lit-Tork qal li fid-9.00 a.m., irċieva telefonata mill-Għassa tal-Pulizja tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fejn kien infurmat li kien hemm persuna li kienet fil-pussess ta’ ċertifikat falz tal-Covid-19.

Tenna li l-Pulizija għamlu l-verifiki tagħhom fejn sar kuntatt ukoll mal-linja tal-ajru Turkish Airlines u anke mal-Isptar San Tumas. Hawn ġie kkonfermat li ma kien sar l-ebda test. Sadaniitant l-akkużat ittieħed l-Isptar Boffa għal swab test u dan irriżulta fin-negattiv. 

L-Ispettur Abela qal li Mustafa Aslan ikkopera mal-pulizija u kien qalilhom li dak li għamel għamlu għax ommu ma tiflaħx u xtaq imur ħdejha. Min-naħa tiegħu, l-ispettur spjegalu li dan ma kellux isir għax li kieku nstab li kien pożittiv, seta’ marrad ħafna aktar persuni. 

F’kummenti minn naħa tal-Maġistrat Mifsud, huwa saħaq li “kulħadd għandu jsegwi r-regoli. Qiegħda tkun ta’ spiss li jkun hemm dokumenti foloz b’rabta mat-testijiet tal-Covid-19.

“Dan mhux tollerabbli. Naf li hemm persuni li qed ibatu f’Malta. In-negozji, in-nies rikoverati fl-isptarijiet, il-frontliners ukoll qed ibatu.” L-Avukat Kathleen Grima dehret għall-imputat.