Lokali

Il-kelb tad-Dwana jagħmel sejba ta’ €22,000 fl-ajruport

Peter, il-kelb tad-Dwana, reġa’ wettaq dmiru hekk kif irnexxielu jxomm €22,000 fi flus mhux dikjarati mrekkna f’bagalja ta’ passiġġier mill-Kosta tal-Avorju.

Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li Peter kien qiegħed ixomm il-bagalja tal-passiġġier li kien ser jaqbad titjira lejn Istanbul, fit-Turkija, bl-uffiċjali tad-Dwana jistaqsu lir-raġel kemm kellu flus.

Filwaqt li l-barrani wieġeb li ma kellux idea kemm kien qiegħed iġorr fuqu flus kontanti huwa preżentalhom €3,000.

Madanakollu l-kelb tad-Dwana baqa’ jxomm aktar flus bl-uffiċjali jirnexxielhom isibu €19,000 oħra.

Għaldaqstant il-passiġġier aċċetta li jħallas multa sabiex seta’ jkompli bil-vjaġġ tiegħu minflok ma jitressaq il-Qorti – dan hekk kif persuna ma tistax iġġorr fuqha aktar minn €10,000 fi flus kontanti mingħajr ma jkunu dikjarati.