Lokali

Il-Partit Nazzjonalista kburi b’ħidmet il-Maltin fin-Nazzjonijiet Uniti – Bernard Grech

Il-Partit Nazzjonalista hu kburi bil-ħidma li l-Maltin jagħmlu f’istituzzjonijiet internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti. Għax dawn jgħinu biex ir-relazzjoni li pajjiżna għandu ma’ dawn l-istituzzjonijiet tkompli tissaħħaħ.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta laqa’ fl-Uffiċċju tiegħu fid-Dar Ċentrali lil Vanessa Frazier, ir-Rappreżentat Permanenti ta’ Malta fin-Nazzjonijiet Uniti.

Hu awguralha għall-kandidatura tagħha fi ħdan il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, hekk kif hi qed tippromwovi t-temi tas-Sigurtà, is-Sostenibbiltà u s-Solidarjetà.

Fil-fatt, qabel il-laqgħa, Frazier ippreżentat l-islogan li l-kandidatura Maltija se tkun qed tuża’, bi tħejjija għat-terminu li jmiss – bejn l-2023 u l-2024.

Ir-Rappreżentant Permanenti Maltija fin-Nazzjonijiet Uniti qalet li f’din l-istituzzjoni, pajjiżna jenfasizza fuq l-importanza tat-tibdil fil-klima.

Hi esprimiet ukoll is-sodisfazzjon tagħha li ltaqgħet ukoll mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, fejn anke spjegatlu kif ir-relazzjoni tajba bejn pajjiżna u din l-istituzzjoni importanti ilha tajba għal diversi snin.

Dwar dan, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja tal-President Emeritus u eks Viċi Kap tal-Partit, Guido Demarco, li għal xi snin serva bħala President tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

Matul il-laqgħa, Bernard Grech kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Carm Mifsud Bonnici u mis-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Roselyn Borg Knight.