Lokali Parlament

Il-PN irid jipproteġi lill-bniedem mill-konċepiment sal-mewt; impenjati favur l-aqwa liġi għat-tfal

Il-Viċi-Kap tal-PN David Agius

Il-Viċi-Kap tal-PN David Agius sostna li l-PN irid jipproteġi lill-bniedem mill-konċepiment sal-mewt u enfażizza l-importanza li l-pajjiż ikollu l-aqwa liġi favur it-tfal.

Fil-parlament David Agius qal li fost l-esperti hemm tħassib dwar il-minorenni mhux akkumpanjati u sostna li dawn mhux dejjem huma tfal li qed ifittxu ażil. Dawn qed isibu diffikultajiet anki biex jattendu l-iskola obbligatorja u biex jiffirmaw id-dokumenti tagħhom.

Jirriżulta li hemm 199 minuri biex akkumpanjati fiċ-ċentri ta’ detenzjoni fil-pajjiż waqt li hemm 13-il minorenni mhux akkumpanjati taħt kura u kustodja. Jeħtieġ li jkun hemm il-konsultazzjoni biex il-liġi tittejjeb. Jeħtieġ ukoll tittieħed deċiżjoni dwar jekk iċ-ċentri ta’ detenzjoni humiex l-aħjar post għal tfal mhux akkumpanjati.

Hu tkellem dwar il-ħolqien ta’ cares alternattiv li jkun persuna professjonali mas-settur tat-tfal.

Il-Viċi-Kap tal-PN qal li l-liġi għandha tkun inklussiva fil-ħajja tat-tfal u xxejjen kull trawma li t-tfal iġarrbu minħabba t-taqlib speċjalment jekk dan idum.

Dwar il-Bord ta’ Reviżjoni, David Agius qal li dan għandu rwol fundamentali biex titneħħa l-burokazija u inqas tfixkil fil-ħajja tat-tfal. Hu ppropona diversi proposti ta’ titjib biex dan il-Bord jopera bl-aħjar mod u fih ikun hemm l-aqwa nies li ma jkunx hemm dubji dwarhom.

Il-Bord għandu jagħti bidu għal pjan ta’ permanenza għaliex sentejn hu perjodu twil biżżejjed biex il-ġenituri jieħdu lura lil uliedhom. L-ebda membru tal-bord m’għandu jkun nieqes mill-kwalifiċi neċessarji biex jieħdu d-deċiżjonijiet. Dan bl-iskop li t-tfal ikollhom ħajja bl-inqas intoppi possibbli.

Il-Viċi-Kap tal-PN semma’ l-każ tat-tifla Arsema li issa ilha nieqsa minn Malta għal kważi 200 ġurnata. Jirriżulta li 90 persuna taħt it-18 il-sena huma mitlufa f’dawn l-aħħar tliet snin. Il-pajjiż qed jiffaċċja wkoll problemi fit-trobbija tat-tfal fosthom ta’ faqar fil-familji nkluż ta’ tfal abbandunati minn ġenituri li jieħdu d-droga.

Id-deputat Nazzjonalista qal li hemm ukoll problemi ta’ tfal li ma jkollhomx kolazzjon għall-iskola u sostna li l-PL tela’ fil-gvern bl-għajta li jeqred il-faqar. Hu appella biex jekk il-pajjiż ma jirnexxielux jeqred il-faqar minn fost il-kbar għall-inqas jeqred il-faqar minn fost it-tfal.

Problema oħra marbuta hi dik tal-vjolenza domestika, sostna David Agius, li appella għaċ-Children’s House fil-qrati Maltin. Jeħtieġ li jkun hemm diskussjoni dwar id-droga fil-pajjiż waqt li għandu jkun imtejjeb Paceville biex iż-żona tkun sigur.

Hu semma’ r-rapport komunitarju li sar b’konsultazzjoni ma’ 900 tifel u tfila fejn inqtal li l-pajjiż għandu bżonn iktar żoni miftuħa u ta’ iktar sigurtà. Hu semma’ s-CDAU u kkritika s-sitwazzjoni preżenti u appella biex ma jkunx hemm dewmien fir-rikorsi fil-qrati.

Il-Viċi-Kap tal-PN kkritika lill-Gvern li għalaq l-isport waqt il-pandemija għax qed jikkunsidrah passatemp. Hu sellem lil Dru Lang li qed jagħmel 30 maratona kuljum biex jiġbor flus għal Puttinu u appella biex ikunu rranġati l-faċilitajiet tat-tfal fl-Isptar Monte Carmeli. Jeħtieġ li jkunu kkunsidrati wkoll il-pagi tal-ħaddiema f’dan is-settur biex ma jintilfux ħaddiema tant importanti, sostna David Agius.