Lokali Sport

“Irridu nagħmlu distinzzjoni bejn elite sport u sport amatorjali”- Christian Micallef, Chairman ta’ TSPN

(Ritratt: Martin Agius)

“Irridu nagħmlu distinzzjoni bejn elite sport e u sport amatorjali”, hekk stqarr iċ-Chairman tal-fergħa Tim Sport Partit Nazzjonalista f’intervistà fuq il-programm ta’ diskussjoni ‘Issues’ fuq NET FM. Christian Micallef qal li pajjiżna huwa l-uniku pajjiż fid-dinja li fil-każ tal-pandemija tal-coronavirus ma għamilx distinzzjoni bejn dak li huwa elite sport u sport amatorjali.

Micallef tkellem dwar kif l-isport huwa stil ta’ ħajja u hija xi ħaġa li tgħaqqad lill-poplu Malti u Għawdxi kollu rrelevanti mill-kuluri politiċi. “F’pajjiżna rridu nrawwmu kultura sportiva”, rrimarka c-Chairman ta’ TSPN fejn qali li meta l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, kien beda jrawwem kultura sportiva fost il-poplu Malti u Għawdxi. Kuntrarju għal dan, il-Partit Laburista fil-Gvern taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela qed jħares lejn l-isport bħala “passatemp”.

Christian Micallef tkellem dwar kif f’pajjiżna hawn atleti li minkejja li ma jitħallsux xorta waħdu jitħarrġu b’mod professjonali u saħansitra jieħdu l-leave mix-xogħol tagħhom sabiex jipprateċipaw f’kompetizzjonijiet internazzjonali.

F’każ partikolari, fejn it-tim nazzjonali Malti tal-futbol ingħata esenzjoni sabiex jilgħab il-partiti mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja filogħdu kien jitħalla jitħarreġ bħala grupp iżda fil-bqija tal-jum il-player kienu jkunu maqfula fil-kamra tagħhom u waħedhom, mingħajr kuntatt ma’ sħabhom tal-istess. B’kuntrast ma’ dan il-players tat-tim nazzjonali meta kien imissihom jilgħabu l-partiti tagħhom lilhinn minn xtutna, kemm fl-Islovakkja kif ukoll fil-Kroazja, it-trattament kien ferm differenti. Dan għaliex il-bqija tal-pajjiżi l-oħra fl-Ewropa, għal kontra ta’ Malta, jħarsu lejn l-isport b’mod professjonali.

Nuqqas ta’ konsultazzjoni mill-Gvern mal-assoċjazzjonijiet involuti

Iċ-Chairman ta’ TSPN, Micallef qal kif wara li fil-jiem li għaddew tkellem ma’ bosta assojazzjonijiet sportivi, dawn kollha qalulu kif il-Gvern naqas milli jikkonsulta magħhom dwar is-sitwazzjoni preżenti b’konsegwenza li l-maġġoranza ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet, bħal fil-każ tal-Malta Basketball Association u l-Malta Football Association, għat-tieni sena konsekuttiva kellhom iwaqqfu l-kampjonati u l-kompetizzjonijiet kollha tagħhom.

B’riferenza għall-kummenti li għadda il-President tal-Malta Basketball Association Pawlu Sultana, fejn qal li mhux qed ikun ikkunsidrat lanqas l-istat mentali tal-atleti, Micallef qal li l-Gvern għandu jittratta l-isport elite b’mod differenti. Dan anke għaliex l-assoċjazzjonijiet matul is-sena li għaddiet kellhom protokolli mediċi b’saħħithom u dan huwa rifless fl-informazzjoni maħruġa ta’ kull ġimgħa mill-awtoritajiet tas-saħħa fejn l-isport huwa l-anqas settur fejn kien hemm trasmissjoni tal-virus.

“B’ kuntrarju għall-Partit Laburista, il-Partit Nazzjonalista fejn kemm jiena bħala Chairman ta’ TSPN, kif ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport Clyde Puli, b’mod kostanti qed nitkellmu favur l-isportivi, bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech diġa’ wiegħed u qed jikkommetti ruħu li Gvern ġdid immexxi mill-Partit Nazzjonalista, wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss, se jkun qed jeleva l-isport f’livell ta’ Ministeru, bil-kontra ta’ dak li b’mod ripetut qed jonqos li jagħmel il-Partit Laburista fil-Gvern,” sostna Micallef.